Il-kumpanija CPHCL Company Limited akkwistat iċ-ċentru Greenscapes minn ġewwa Ħ’Attard, bħala parti mill-pjan strateġiku tagħha biex twaqqaf kumpanija professjonali sħiħa tal-landscaping fi ħdan il-Grupp.
Is-sit ġdid, li jkopri madwar 4,400 metru kwadru, se jservi bħala ċ-ċentru operattiv għall-attivitajiet tal-landscaping, filwaqt li jappoġġja l-iżvilupp kontinwu ta’ servizzi kemm għal proġetti relatati ma’ Corinthia Group kif ukoll għal klijenti terzi.

Imwaqqfa fl-1966 bħala l-kumpanija oriġinali tal-Grupp, CPHCL żviluppat portafoll diversifikat fis-setturi tal-proprjetà, servizzi u ospitalità.
Is-CEO Jean-Pierre Schembri sostna li dan l-investiment juri l-impenn tal-kumpanija lejn id-diversifikazzjoni u l-eċċellenza, filwaqt li jsaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha fil-qasam tal-landscaping.
Fil-fażi li jmiss tal-iżvilupp, il-proprjetà se tgħaddi minn rinnovazzjoni u rebranding biex tilħaq l-istandards tal-Grupp u l-viżjoni ta’ Palace Garden Centre, li se joffri tagħmir speċjalizzat tal-ġonna, pjanti, siġar u għamara ta’ barra.
Krystle Ellul, li ġiet maħtura General Manager, qalet li l-għan huwa li jinħoloq ċentru li jgħaqqad servizzi professjonali tal-landscaping bi kwalità għolja.
Is-sit se jospita wkoll l-operat ta’ Palace Landscaping, li għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tad-disinn u l-manutenzjoni tal-pajsaġġi kemm f’Malta kif ukoll barra minnha.
Din il-kumpanija se toffri servizzi lil klijenti terzi, inklużi disinn tal-pajsaġġ, xogħlijiet ta’ soft u hard landscaping, manutenzjoni, sistemi ta’ soluzzjonijiet sostenibbli, bħala parti mill-istrateġija usa’ ta’ CPHCL biex tkompli tespandi u toħloq opportunitajiet ġodda ta’ negozju.
