“Dak Huwa L-Akbar Dulur” – Inizjattiva Li Tgħaqqad Pajjiż Sħiħ 7,000 Ftira, Qalb Waħda

Ġest sabiħ ta’ solidarjetà reġa’ ġabar lill-poplu Malti flimkien hekk kif matul il-lejl li għadda, numru kbir ta’ voluntiera minn madwar Malta ngħaqdu biex iħejju madwar 7,000 ftira li dalgħodu qed jitqassmu f’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż.

Din l-inizjattiva, organizzata mill-komunità The People of Malta, għandha skop nobbli, li jinġabru fondi għal Puttinu Cares, organizzazzjoni li tappoġġja familji li qed jgħaddu minn mumenti diffiċli minħabba mard serju.

Individwi minn madwar Malta ordnaw il-ftira tagħhom minn qabel, b’kull xiri jikkontribwixxi direttament għal din il-kawża. Din hija l-ħames sena li qed issir din l-attività, li bdiet lura fl-2022 minn storja personali li messet qalb ħafna, meta Luca kien qed jiġġieled kontra l-lukimja. Illum, fortunatament, Luca fieq, iżda l-inizjattiva kompliet tikber biex tgħin lil oħrajn li għadhom għaddejjin mill-istess realtajiet diffiċli.



L-organizzaturi qasmu kif kull sena qed jaraw aktar nies jingħaqdu, kemm bħala voluntiera kif ukoll bħala parteċipanti, sinjal ċar tal-ġenerożità u l-għaqda tal-poplu Malti. “Is-sodisfazzjon huwa li tara tant voluntiera li jagħżlu jiġu jgħinu u jarawhom magħqudin flimkien,” sostnew, filwaqt li enfasizzaw kemm dawn il-fondi qed jagħmlu differenza reali fil-ħajja ta’ dawk fil-bżonn.



Minkejja l-isfidi u l-preparazzjoni intensiva li titlob attività bħal din, l-organizzaturi jgħidu li ma jaqtgħux qalbhom. L-ispirazzjoni tagħhom tibqa’ dejjem l-istess, il-familji li bħalissa jinsabu għaddejjin minn żmien diffiċli.

B’mod partikolari, l-attività ssir lejliet il-festa tad-Duluri, bħala ġest simboliku lejn dawk l-ommijiet li bħalissa jinsabu l-isptar ħdejn uliedhom. “Dak huwa l-akbar dulur,” sostnew, messaġġ li jolqot u jfakkar fil-valur tal-kompassjoni u s-solidarjetà.

Inizjattiva li mhux biss tiġbor fondi, iżda wkoll tgħaqqad komunità sħiħa b’għan wieħed, li tagħmel il-ġid.



Ritratti:

Facebook / The People of Malta

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI