Dak Kollu Li Għandek Tkun Taf Dwar Il-Festival Nazzjonali Tal-Ktieb – Skopri Hawn!

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ħa jkun qed jorganizza esperjenza multisensorja fl-MFCC f’Ottubru li ġej. Il-poster uffiċjali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2023, jiġbor fih l-ispirtu multisensorjali tal-edizzjoni ta’ dis-sena fiċ-ċelebrazzjoni tal-kelma miktuba.





Il-Festival huwa l-punt ta’ referenza għall-kittieba, il-pubblikaturi, it-tradutturi, u l-illustraturi Maltin, iżda aktar minn hekk għall-pubbliku ġenerali li għandu l-kotba u l-qari għal qalbu. 50 esebitur ħa jkunu armati fuq 8,000 metru kwadru b’diversi attivitajiet, fosthom tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba u diskussjonijiet, esebizzjonijiet, kunċerti, sessjonijiet ta’ qari u eżekuzzjonijiet poetiċi.



Min huma l-karattri li qed naraw fuq il-poster? Fuq il-poster wieħed jilmaħ erba’ karattri, Ray il-Qarrej, Filip il-Kittieb, Ċiċi l-Ispettatriċi u Mia s-Semmiegħa. Ray il-Qarrej hu sajjied immaġinarju dejjem bi ktieb f’idejh, Filip il-Kittieb, hu awtur misterjuż li jħobb jara l-kelma mibdula f’teatru, Ċiċi l-Ispettatriċi hi qattusa kurjuża li tagħżel xħin tara xow letterarju, u lil Mia s-Semmiegħa, ħabbieba tal-mużika li taqbad tiżfen mal-istejjer.

Il-programm tal-attivitajiet fih madwar 100 attività maqsumin fuq ħamest ijiem, bejn l-Erbgħa 18 u l-Ħadd 22 ta’ Ottubru. L-attivitajiet huma kollha bla ħlas, u se jsiru fi swali apposta fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali. Fosthom hemm xows u attivitajiet għall-familja u għall-istudenti, tnedijiet u diskussjonijiet dwar kotba, workshops ta’ kitba, qari animat, u nħawi fejn il-professjonijisti tal-industrija jistgħu jiltaqgħu mal-pubbliku jew bejniethom.

Probabbli qed tistaqsi bejnek u bejn ruħek, min huma l-awturi jew professjonisti fl-industrija tal-kotba mistiedna ta’ din is-sena. Dawn huma:

  • Sam Blake
  • Charlie Castelletti
  • Simon Trewin
  • Jen Calleja u Kat Storace
  • Clare Azzopardi

Barra minn hekk, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, għandu diversi kollaborazzjonijiet differenti ma’ entitajiet oħra li bis-saħħa t’hekk qed jittella’ programm kulturali bit-tema #kotbakitbauaktar. Dawn jinkludu:

  • L-esebizzjoni From Illustration to Book ikkurata mill-Kunsill Malti għall-Arti
  • il-kamra sensorja għal tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu kkurata mill-Fondazzjoni Inspire
  • il-kunċert VII/Fidwa ta’ Teatru Malta u The New Victorians
  • l-esebizzjoni Il-Malti: Il-Mixja sal-Għarfien Uffiċjali ta’ Heritage Malta u l-Akkademja tal-Malti
  • xows teatrali bbażati fuq kotba rebbieħa tat-Terramaxka u mtellgħin mid-drammaturga Simone Spiteri
  • mural interattiv imtella’ mill-Malta Community of Illustrators u l-Kunsill Malti għall-Arti
  • diskussjoni mmexxija mill-Kummissjoni Maltija tal-Films dwar l-adattamenti ċinematografiċi tal-kotba
  • sessjonijiet ta’ qari għat-tfal mill-Energy and Water Agency.

Barra dan kollu, l-esebituri tal-Festival se jkunu qed itellgħu l-attivitajiet tagħhom għal udjenzi varji u niċeċ letterarji fuq l-istands tagħhom jew fis-swali skont it-tema: Is-Sala tal-qarrejja, Is-Sala tal-Kittieba, Is-Sala fil-Pjazza, u t-Teatru. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed ifittex li jsaħħaħ lil awturi, edituri, tradutturi u illustraturi ġodda jew stabbiliti billi jagħtihom l-opportunità jirfinaw u jillimaw is-sengħa professjonali tagħhom, kif ukoll jiffamiljarizzaw ruħhom mal-industrija tal-kotba bis-saħħa ta’ workshops u attivitajiet waqt il-Festival ma’ mistiedna lokali u internazzjonali ta’ kalibru.

Dawn is-sessjonijiet żgur li se jkunu ta’ għajnuna:

  • X’inhi l-Istorja tiegħek: 5 passi biex tikteb bestseller
  • Ispirazzjoni, Teknika, Suċċess
  • Id-dinja tal-pubblikazzjoni – it-triq lejn is-suq
  • Il-Kitba għat-Tfal u ż-Żgħażagħ
  • Workshop tal-editjar
  • From Illustration to Book
  • Mural Interattiv

Dawn l-attivitajiet flimkien jagħtuna ħarsa unika lejn iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ xogħol letterarju, mill-ewwel passi tal-idea wara storja, sal-kitba tal-manuskritt u l-markitjar tiegħu, u finalment għall-proċess tal-editjar qabel ma l-ktieb jiffaċċja l-isfidi fl-industrija lokali jew internazzjonali. Fl-istess ħin, dawn l-attivitajiet iqanqlu lill-pubbliku japprezza l-kontribuzzjoni tal-artisti u l-illustraturi waqt dal-proċess kollu.

Id-dħul għall-attivitajiet kollha fil-programm tal-Festival huwa b’xejn, iżda hemm uħud li trid tirreġistra online għalihom. Kemm jekk inti tħobb il-kotba, kittieb aspirant jew xi ħadd li jfittex modi ġodda kif il-letteratura u l-kotba jmissuh, mela nistednuk għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2023 se jsir bejn it-18 u t-22 ta’ Ottubru fl-MFCC, Ta’ Qali. Id-dħul b’xejn. Segwi s-sit tal-KNK, il-paġna Facebook tiegħu, jew il-paġna Facebook tal-Festival stess.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI