Omm ta’ ħamest itfal, ġewwa l-Istati Uniti, tilfet il-battalja tagħha mal-Covid-19, u membri tal-familja tagħha jgħidu li kollox ġara tant u tant malajr, f’ġimgħa biss.
Danielle Stevens ta’ 31 sena ma kinitx imlaqqma, u l-mewt tagħha qed iġġiegħel lill-maħbubin tagħha biex jieħdu l-vaċċin. Ommha Regina Baker qalet, “Ħadd minna ma kien se jieħu t-tilqima.”
Sigħat wara li ħadet il-vaċċin, Baker bdiet il-proċess biex issir il-gwardjana tal-ħames neputijiet tagħha wara l-mewt ta’ bintha. Il-kbira fost in-neputijiet għandha 13-il sena filwaqt li ż-żgħir għandu sena.
Baker qalet li bintha kienet dijabetika, u saħħitha malajr marret lura wara li ġiet infettata tard ix-xahar li għadda. Kellha titpoġġa fuq ventilatur, u Baker temmen li Stevens tilfet il-ġlieda tagħha għall-varjant Delta.
Minkejja li għandha d-dubji dwar il-vaċċin, Baker issa qed tbiddel fehmitha. “Irrid li kulħadd jitlaqqam u ma jgħaddix minn dak li għaddejja minnu, u ma jkunx hemm għalfejn iħossu l-uġigħ li qed inħoss,” qalet Baker.