Il-paġna The People of Malta kitbet dwar l-aħwa Lewis, Mario u Frans, ulied Ċikku ta’ Bormla, li kien fetaħ wieħed fost l-ewwel ħwienet ġewwa l-lokalità tal-Mosta.
“In-nannu kien ġie mal-familja refuġjati minn Bormla fi żmien il-gwerra. Għalhekk l-isem tal-ħanut, ‘Ta’ Bormla’. Kien beda billi jbigħ l-affarijiet tal-Militar, l-Army Surplus, fi żmien is-servizzi. Imbagħad warajh, fl-1971, kien ħa x-xogħol missierna Frankie, li kien beda jbigħ l-għodda.”
L-aħwa bdew jaħdmu ma’ missierhom ta’ 16-il sena, wara li telqu mil-Lyceum. Għaddew 55 sena u llum il-ġurnata l-ħanut ser jagħlaq il-bibien tiegħu.
“Aħna konna magħrufin l-iktar għall-għodod, fishing tackles, konna nagħmlu anki l-armaġġi u nġibu wkoll partijiet tat-trailers. Għamilna mill-aħjar li stajna biex naqdu l-klijenti.”
Jikteb kemm matul iż-żmien servew diversi persuni, fosthom Prim Ministri, imħallfin, nies sempliċi u aktar.
B’ċajta hu jkompli jgħid, “Churchill u Hitler biss ma daħlux!” Il-paġna xerrdet anke ritratt li juri l-faċċata tal-imsemmi ħanut.