Il-Malta University Sport Association (MUSA) ħabbret ir-riżultat tal-parteċipazzjoni tagħha fil-FISU World University Championship Cross Country, li sar fil-belt ta’ Cassino.

Ir-rappreżentant ta’ MUSA u tal-Università ta’ Malta, l-atleta Malti David Borg, ikkompeta fit-tellieqa Men’s Individual Long Race, fejn spiċċa fl-44 post b’ħin ta’ 32 minuta u 24 sekonda.
Il-kompetizzjoni laqqgħet aktar minn mitt atleta universitarju minn madwar id-dinja, b’parteċipanti li rrappreżentaw universitajiet u delegazzjonijiet nazzjonali mill-Ewropa, l-Asja, l-Afrika u l-Ameriki.

Ħafna mill-atleti li ħadu sehem jikkompetu regolarment f’kampjonati nazzjonali u f’avvenimenti internazzjonali tal-atletika, fatt li għamel il-kompetizzjoni waħda ferm kompetittiva.
David temm il-cross country f’Cassino b’determinazzjoni kbira, waqt li rrappreżenta bi kburija kemm lill-Università ta’ Malta kif ukoll lil Malta fix-xena internazzjonali tal-isport universitarju.
Parteċipazzjoni f’kampjonati ta’ dan il-livell tipprovdi esperjenza importanti għall-atleti Maltin li jikkompetu kontra wħud mill-aktar atleti universitarji b’saħħithom fid-dinja.
Il-Malta University Sport Association ferħet lil Borg għall-impenn u l-prestazzjoni tiegħu matul il-kompetizzjoni, u enfasizzat l-importanza tar-rappreżentanza Maltija fl-isport universitarju internazzjonali.
Prosit David!