Rapport ġdid ippubblikat minn BirdLife Malta jikkonferma li l-popolazzjoni tal-Gamiema (Streptopelia turtur) qed tkompli tonqos b’mod konsistenti u allarmanti. Dan l-istudju huwa bbażat fuq l-aħħar dejta uffiċjali tar-rapportaġġ tal-Artikolu 12 tal-UE għall-perjodu bejn l-2019 u l-2024.
Skont din l-evidenza xjentifika, 13 minn 15-il pajjiż li jinsabu fir-rotta tal-passa ċentrali-tal-Lvant — li tinkludi wkoll lil Malta, qed jirrappurtaw tnaqqis fil-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi. B’mod ġenerali, dan it-tnaqqis jaqbeż it-23%, fatt li jkompli jikkonferma l-istatus vulnerabbli tal-Gamiema u l-pressjoni li qed taffaċċja tul il-passa tagħha.
Minkejja dawn il-konklużjonijiet, Malta reġgħet fetħet l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-Gamiema mill-2022 ’il quddiem, wara moratorju li kien ilu fis-seħħ bejn l-2017 u l-2021.
Ir-rapport jikkritika wkoll id-dejta li kienet ġiet ippreżentata qabel mill-Wild Birds Regulation Unit lill-Kumitat Ornis, fejn kien ġie sostnut li l-popolazzjoni tal-Gamiem kienet stabbli jew saħansitra qed tiżdied. Skont BirdLife Malta, dawn il-konklużjonijiet kienu bbażati fuq informazzjoni skaduta u metodoloġija mhux adegwata. Barra minn hekk, ġie nnutat nuqqas fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni — wieħed mill-pedamenti tal-liġi ambjentali tal-UE, speċjalment fejn jidħlu speċi f’stat ta’ konservazzjoni mhux favorevoli.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta, Mark Sultana, sostna li: “L-aħħar dejta tal-Artikolu 12 ma tħalli ebda dubju, il-Gamiema qed tkompli tonqos tul ir-rotta tagħha. Id-deċiżjonijiet li jaffettwaw din l-ispeċi għandhom ikunu bbażati fuq din l-evidenza xjentifika aġġornata.”
Ir-rapport jasal għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet legali u xjentifiċi meħtieġa biex tiġi ġġustifikata deroga għall-kaċċa fir-rebbiegħa mhumiex qed jintlaħqu. Għalhekk, skont BirdLife Malta, il-prattika tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-Gamiema f’Malta ma tistax tiġi ġġustifikata.
Fid-dawl ta’ dan, l-organizzazzjoni qed titlob diversi miżuri immedjati, fosthom:
- Waqfien immedjat tal-kaċċa fir-rebbiegħa tal-Gamiema
- Introduzzjoni mill-ġdid ta’ moratorju għal mill-inqas sitt snin
- Konformità sħiħa mar-rakkomandazzjonijiet u l-miżuri ta’ konservazzjoni tal-UE
BirdLife Malta appellat lill-awtoritajiet Maltin biex jieħdu azzjoni urġenti sabiex jipproteġu din l-ispeċi u jassiguraw l-irkupru tagħha, f’konformità kemm mal-evidenza xjentifika kif ukoll mal-obbligi legali tal-Unjoni Ewropea.