Minħabba l-fatt li l-Covid-19 qiegħda preżenti magħna mill-ġdid u tul l-aħħar ftit jiem rajna żieda ta’ każijiet inkluż każ fil-festa ta’ Santa Venera, l-Għaqda Każini tal-Banda ħarġet stqarrija.
L-għaqda qalet, “f’dawn iż-żminijiet huwa importanti li nibqgħu nħarsu saħħet il-pubbliku ġenerali u ma għandna nagħmlu xejn li jista’ jippreġudika x-xogħol kbir tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.”
Kompliet tisħaq, “Għalhekk l-eżekuttiv tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, kif diġà saħaq sabiex nimxu bi prudenza u maturità fl-attivitajiet li jiġu organizzati relatati mal-festi, mill-ġdid tħeġġeġ lill-membri tagħha li meta jiġu biex jiddeċiedu x’attivitajiet jorganizzaw għandhom ikomplu jimxu b’mod kawt u prudenti.”
Temmet tgħid, “Din hi sena partikolari u għalhekk iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi tagħna għandhom jirriflettu dawn l-istess żminijiet.”
Facebook / Ghaqda Kazini tal-Banda