Il-paġna uffiċjali ta’ Nature Trust Malta kitbu messaġġ ta’ qsim ta’ qalb fuq il-midja soċjali, fejn ħabbru li minħabba ostakli fuq bajja lokali, tlifna l-opportunita` ta’ bejta tal-fkieren.
Spjegaw, “Din il-ġimgħa tlifna bejta... Il-Ħamis filgħaxija, wara d-disgħa ta’ billejl, irċevejna telefonata li kien hemm fekruna tipprova tagħmel bejta.”
Spjegaw li minkejja li l-voluntiera marru mill-ewwel fuq il-post, il-fekruna kienet laħqet marret lura lejn il-baħar. Mill-analiżi tagħhom indunaw li l-fekruna kellha tbiddel ir-rotta tagħha xi darbtejn minħabba s-sunbeds li kienu fin-nofs. Eventwalment qatgħet qalbha u rritornat lejn il-baħar. Il-voluntiera żammew għajnejhom fuq il-post matul il-lejl iżda s’issa l-fekruna għadha ma rritornatx.
Huma saħqu, “Din mhix l-ewwel darba li ġrat. Fis-sena 2024, l-istess ħaġa ġrat fuq bajja differenti, u l-fekruna qatt ma rritornat biex tagħmel il-bejta tagħha.”
Facebook / Nature Trust – FEE Malta Wildlife Rescue Team