Il-Milied wasal u magħlu miegħu l-messaġġi ta’ tama u mħabba, sentiment li jidher ċar fil-post emozzjonanti ta’ Rescued is my favourite breed – Lulu Arpa, li fakkret sena mimlija ħidma mill-qalb għall-annimali abbandunati.
Tul din is-sena, Animal Welfare salva aktar minn 400 kelb, li kollha sabu ambjent mimli kura u mħabba. Barra minn hekk, aktar minn 100 kelb ieħor reġgħu ngħaqdu mas-sidien tagħhom, u għal ħafna familji din kienet l-isbaħ rigal tal-Milied.
Skont Lulu Arpa, xi wħud mill-klieb kellhom jistennew fil-pens tas-santwarju sakemm sabu familja li verament tixraqlhom, filwaqt li oħrajn intefgħu immedjatament f’foster care sakemm instabet dar permanenti.
“Ix-xewqa tagħna tal-Milied hija li s-Sena l-Ġdida ġġib aktar djar ta’ dejjem għal dawn l-erwieħ sbieħ. Ma nixtiequ xejn aktar,” tgħid Arpa, waqt li tagħmel appell lill-pubbliku biex ikompli jaqsam u jgħolli l-għarfien dwar is-sitwazzjoni tal-annimali abbandunati.
Hi esprimiet ukoll ringrazzjament speċjali lill-NGOs kollha li jaħdmu id f’id mal-awtorità biex jagħmlu dan kollu possibbli, “Ma stajniex nagħmlu dan mingħajr l-għajnuna tagħkom. Klieb qed jiġu salvati kuljum mill-Animal Welfare, u l-ħidma konġunta tagħna tagħmel dan kollu possibbli. Flimkien aħna aktar b’saħħitna.”
Il-post kien akkumpanjat minn ritratti tal-Milied li juru wċuħ ferħana ta’ klieb li llum qed jgħixu ħajja aħjar – xhieda tal-isforz u d-dedikazzjoni li tant nies qed jagħtu biex dawn l-annimali jsibu t-tama mill-ġdid.
Fl-aħħar nett, jibqa’ ċar li l-istorja ta’ salvataġġ kull sena mhijiex biss dwar in-numri, iżda dwar il-ħajja u l-futur li dawn il-klieb jingħataw grazzi għal dawn l-isforzi kollettivi.