Dalgħodu, waqt il-programm TVAM li jixxandar kull filgħodu fuq l-istazzjon nazzjonali TVM, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne wissa’, “din is-sena l-gatherings tal-milied anki fid-dar ninsewhom.”
Ovvjament, dan ħa jkun ta’ sagrifiċċju kbir għall-familji Maltin li mdorrijin li fil-Milied jinġabru lkoll flimkien sabiex jiċċelebraw din il-ġurnata speċjali flimkien bħala familja waħda magħquda. Iżda din is-sena hi kemxejn differenti minn snin oħrajn.
L-imxija tal-Covid-19 inxterdet mad-dinja kollha tul l-aħħar ġimgħat, rajna żieda ta’ każijiet madwar id-dinja kollha inkluż f’pajjiżna. Il-Professur Charmaine Gauci, mhux l-ewwel darba jew tnejn uriet l-istatistika li mit-traċċar ta’ kuntatt li sar juri li l-maġġoranza tal-każi qed ikunu membri tal-istess familja.
Meta jkollok festi bħal ma huma l-Milied u l-Ewwel tas-Sena fejn ħafna nies issoltu jiltaqgħu, dan jista’ jħalli impatt negattiv immens fuq is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’dak il-pajjiż. Aħna nibqgħu nittamaw li s-sitwazzjoni teqleb għall-aħjar fil-jiem li ġejjin.
Dejjem għandna nkunu responsabbli u nieħdu l-parir tal-esperti f’dan il-qasam. Għad niċċelebraw ilkoll flimkien.
Facebook / Chris Fearne