Minn meta tħabbar l-ewwel każ ġo avveniment tal-massa, ħafna kienu dawk li bdew jitolbu li dawn jieqfu. Iżda kif żdiedu l-każijiet f’daqqa, is-suġġett ġie aktar u aktar kontroversjali. Jidher li disa’ assoċjazzjonijiet mediċi Maltin qalu li l-gvern qed “jikkomprometti l-kisbiet kollha li saru permezz tas-sagrifiċċju kollettiv tagħhom fl-istadji bikrija tal-pandemija.”
Ovvjament, huma kienu fuq il-fruntiera jħabbtu wiċċhom ma’ diversi każijiet differenti. Huma jgħidu li l-gvern għadu jrid iwieġeb dwar in-numru ta’ każijiet li rajna tul dawn l-aħħar jiem iżda t-talba tagħhom hija li għalissa nipprijoritizzaw is-saħħa u n-nazzjon kollu fuq l-interessi ekonomiċi tal-minoranza u l-permessi għall-avvenimenti tal-massa jiġu rivokati.
Skont is-sit Lovin’ Malta, din id-dikjarazzjoni ġiet iffirmata minn l-Assoċjazzjoni ta’ Anestesijoloġija ta’ Malta (AAM), l-Assoċjazzjoni tat-Tobba tal-Emerġenza ta’ Malta (AEPM), l-Assoċjazzjoni ta’ Kirurgi Ortopediċi u Trawma f’Malta (AOTSM), l-Assoċjazzjoni ta’ Tobba Privati tal-Familja (APFD), l-Assoċjazzjoni ta’ Kirurgi ta’ Malta (ASM), l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Oftalmoloġisti (MAO).
Magħhom ingħaqdu wkoll l-Assoċjazzjoni Maltija fi ħdan Otorhinolaryngology u Kirurgi tar-ras u l-għonuq, l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Radjoloġisti u Tobba tal-Mediċina Nukleari (MARNMP) u l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Pedjatriċi (MPA).