Mal-ftuħ tal-iskejjel ġew il-każijiet pożittivi tal-Covid-19 hawn ukoll. Dwar dan, bosta nies qed jirreaġixxu b’modi differenti fuq il-midja soċjali. Il-Kap tal-iskola Primarja tar-Rabat Għawdex, Lelio Spiteri, kellu xi jgħid dwar dawk li donnhom qed jieħdu gost b’dawn l-aħbarijiet.
“Ma nafx għaliex imma donnu li hawn ċertu nies li qed jieħdu gost li hawn każijiet tal-Covid fl-iskejjel. Il-ħafna kummenti fuq il-midja soċjali hekk juru,” beda hu.
“Nistaqsi, daqshekk inħobbuhom lit-tfal tagħna? Daqshekk irridulhom ġid? Daqshekk jimpurtana mill-edukaturi li qed jaħdmu ma’ uliedna u li qed jagħmlu l-impossibli biex it-tagħlim ikompli fiċ-ċirkustanzi preżenti?”
Is-Sur Lelio kompla billi qal: “Jien tfal tiegħi m’għandix. Imma, kif kulħadd jaf, għalija t-tfal huma xi ħaġa sagrosanta. Din x’attitudni hi? Jekk hemm każ, hemm bżonn inperrċuh u nallarmaw? Mhux aħjar flok inparlaw, inkomplu noqogħdu attenti u ngħidu talba biex il-Mulej ikompli jżomm idejh fuq uliedna, il-familji tagħna u l-edukaturi?”
X’taħseb dwar kliem dan is-Surmast? Int rajt ċertu kummenti ħorox fuq il-midja soċjali?
Facebook/Lelio Spiteri