Ash u sħabu jagħmluha ta’ buffi, ‘magicians’, żeffiena, mużiċisti, akrobatiċi u għalliema tal-logħob, u jiffukaw filli jaħdmu ma’ ħaddiema soċjali fost tfal ta’ familji f’kampijiet ta’ refuġjati li jgħixu f’ambjent diffiċli.
Aktar minn 100,000 tifel u tifla refuġjati waslu fl-Ewropa fl-2016. Dik is-sena stess, Ash flimkien ma’ sħabu bdew jivvjaġġaw lejn kampijiet ta’ refuġjati kemm fil-Greċja kif ukoll f’pajjiżi oħra biex iferrħu kemm jista’ jkun tfal bla ma jistennew xejn lura. Fil-bidu ta’ din il-karriera, Ash jammetti li kien xi ftit imbeżża’ għall-fatt li ma jkunx ikun b’xi mod qed jinsulenta lil dawn in-nies. Ash jgħid li l-ewwel reazzjoni tat-tfal xħin jaraw lit-tim tkun ta’ sorpriża u jibqgħu jiċċassaw lejhom.

Min-naħa tagħhom Ash u sħabu jibdew ixejrulhom u jxejrulhom u jxejrulhom, sakemm it-tfal ixejrulhom lura. It-tim mhux biss jilgħab mat-tfal u jiżfen magħhom, imma jagħmlilhom wirjiet akrobatiċi, maġija u xi skeċċ bil-pupazzi ma jonqosx. Ġieli wkoll isajru xi pizza flimkien mat-tfal refuġjati u mix-xejn joħolqu logħba. Insomma jippruvaw minn kollox biex iferrħu lil dawn it-tfal li ma jkollhom xejn x’jagħmlu ħlief li joqogħdu fit-tined.
Lil hinn mill-politika u d-dinja tal-kbar, it-tfal jibqgħu tfal u l-hena tagħhom jilagħbu, jiġru u jkunu mfaħħra għal xi kraft jew tpinġija li jkunu għamlu. Dak li għandhom bżonn it-tfal kollha tad-dinja, sew jekk refuġjati sew jekk le. It-tfal refuġjati, bħal tfal oħra għandhom il-ħolm tagħhom għall-futur u Ash u t-tim tiegħu jixtiequ li dawn iħossu li jistgħu jagħmlu kollox.
Naf li inti li qed taqra tixtieq tgħin lil tfal simili t’hawn fuq u ħafna oħrajn bħalhom imxerrdin mad-dinja kollha. Missio Malta qed jagħmel ħiltu kollha sabiex kull persuna jkollha opportunità li tgħix ħajjitha b’dinjità. Agħmel kuntatt magħna jekk tixtieq tgħin. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 2123 6962. Grazzi mill-qalb.