€160,000 F’Appoġġ Lil 42 Organizzazzjoni Għall-Karnival 2026

Il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, b’kollaborazzjoni ma’ Aġenzija Żgħażagħ u Festivals Malta, ta appoġġ finanzjarju ta’ €160,000 lil 42 organizzazzjoni kulturali permezz ta’ skema ġdida ta’ finanzjament għal organizzazzjonijiet kulturali taż-żgħażagħ li qed jipparteċipaw fil-Karnival 2026.

Din iċ-ċerimonja hija xhieda tal-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ l-involviment taż-żgħażagħ fil-Karnival Malti, filwaqt li jippromwovi l-kreattività, l-identità kulturali u l-espressjoni artistika b’mod inklussiv u sostenibbli.

Il-fondi allokati permezz ta’ din l-iskema qed jitqassmu fost l-organizzazzjonijiet benefiċjarji biex jiffaċilitaw il-produzzjoni ta’ kostumi, żfin, mużika u elementi artistiċi oħra marbuta mal-Karnival 2026. Dan l-appoġġ qed jippermetti lill-organizzazzjonijiet ikomplu jinvestu fil-kwalità, fl-innovazzjoni u fit-talent lokali.



Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li din l-iskema l-ġdida tikkonferma b’mod ċar il-valur li għandu l-Karnival bħala waħda mill-aktar espressjonijiet kulturali u komunitarji ewlenin. Huwa rrimarka li l-Karnival jgħaqqad ġenerazzjonijiet, isaħħaħ l-identità Maltija u joħloq spazju fejn l-arti, it-tradizzjoni u l-innovazzjoni jiltaqgħu. Huwa rringrazzja lill-organizzaturi, lill-voluntiera u lill-artisti għax-xogħol bla waqfien tagħhom, u saħaq fuq l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fil-kultura.



Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, enfasizza l-importanza liż-żgħażagħ jingħataw l-għodod u r-riżorsi meħtieġa biex ikomplu jinnovaw. Huwa tenna li, “Din iċ-ċerimonja tikkonferma l-fiduċja tagħna fiż-żgħażagħ u fil-kapaċità tagħhom li jwasslu ideat friski u viżjoni moderna lil tradizzjoni li ilha magħna għal ġenerazzjonijiet. L-appoġġ li qed jingħata llum huwa investiment fil-kreattività tagħhom, fl-identità kulturali tagħna u fil-futur tal-Karnival Malti.”



Min-naħa tiegħu, il-President tal-Organizzazzjonijiet Parteċipanti fil-Karnival, Clint Axisa, irringrazzja lill-awtoritajiet għall-appoġġ kontinwu tagħhom u rrikonoxxa x-xogħol tal-organizzazzjonijiet kollha involuti. “Il-Karnival huwa frott ta’ ħidma kollettiva li ssir tul is-sena kollha minn voluntiera, artisti u żgħażagħ impenjati. Din l-iskema u ċ-ċerimonja tal-lum jagħtu spinta qawwija lill-organizzazzjonijiet biex ikomplu jtejbu l-livelli artistiċi u organizzattivi tagħhom, filwaqt li jżommu ħajja tradizzjoni li hija parti essenzjali mill-identità Maltija,” qal is-Sur Axisa.

Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-Gvern ikompli jikkonferma l-impenn tiegħu li jsaħħaħ l-ekosistema kulturali tal-pajjiż, jappoġġja l-volontarjat u joħloq aktar opportunitajiet għall-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ f’avvenimenti kulturali nazzjonali ta’ importanza kbira bħall-Karnival.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI