€4.6 Miljun F’Fondi Addizzjonali Mogħtija Lill-Proġett “Marine Conservation – An Inclusive Approach To Managing Marine Resources”

Wara t-tnedija b’suċċess tal-proġett “Marine Conservation – An Inclusive Approach to Managing Marine Resources” fi Frar 2025, ġew ikkonfermati €4.6 miljun f’fondi addizzjonali għall-konservazzjoni tal-ambjent tal-baħar, permezz ta’ kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea.



Dan il-finanzjament se jkompli jibni fuq l-ewwel fażi tal-proġett EMFAF.P1.209 billi jkompli jimplimenta l-attivitajiet proposti taħt dak il-proġett filwaqt li jintroduċi wkoll azzjonijiet ġodda fl-istess sett ta’ Pakketti ta’ Ħidma.



Azzjonijiet ġodda jinkludu:

  • Appoġġ għall-irkupru tal-ambjenti naturali ta’ taħt l-ilma, b’mod partikolari l-mergħat tal-alka, billi titnaqqas il-ħsara f’qiegħ il-baħar u jiġu ttestjati soluzzjonijiet prattiċi ta’ restawr;
  • It-tnedija ta’ pjattaforma diġitali aċċessibbli għall-pubbliku biex jibqa’ aġġornat fuq is-sitwazzjoni tas-saħħa ambjentali tal-baħar;
  • Linji-gwida ċari kif ukoll iżjed sensibilizzazzjoni li jippromwovu deċiżjonijiet konsistenti u bbażati fuq ix-xjenza fejn jidħol l-ambjent marittimu;
  • Twettiq ta’ studji xjentifiċi mmirati sabiex jixprunaw ġestjoni sostenibbli tas-sajd f’żoni tal-baħar protetti.

Il-proġett se jkompli javvanza l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni adottati minn Malta għas-siti Natura 2000 tal-baħar, u l-programmi ta’ miżuri skont il-proċessi Direttiva ta’ Qafas dwar l-Istrateġija Marittima u tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. L-għan ġenerali huwa li jinżamm jew jinkiseb Status ta’ Konservazzjoni Favorevoli tal-ambjenti naturali u ta-speċi fis-siti tal-baħar ta’ Natura 2000, kif ukoll Status Ambjentali tajjeb f’żoni tal-baħar usa’, f’konformità mal-objettivi ta’ politika tal-UE.

Il-proġett maħdum b’approċċ lejn ġestjoni speċifikament bbażata fuq l-ekosistema, filwaqt li jindirizza l-attivitajiet tal-bniedem b’mod integrat permezz ta’ involviment attiv tal-partijiet ikkonċernati rilevanti. L-objettiv ewlieni ta’ dawn il-proċessi ta’ ġestjoni huwa li jappoġġaw bidla lejn l-użu sostenibbli tal-ambjent tal-baħar, filwaqt li jippromwovu r-restawr ta’ ambjenti naturali u speċi disturbati jew deterjorati. 

Permezz ta’ dawn l-isforzi, il-proġett għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi fl-ibħra Maltin.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI