Il-programm popolari Brillanti Dance qed ikompli jsaħħaħ l-interess tal-pubbliku hekk kif din il-ġimgħa jidħol fit-tielet semifinali spettakolari tiegħu.
Il-ġimgħa li għaddiet kienet waħda mimlija emozzjoni, hekk kif il-kompetizzjoni sellmet liż-żeffien mimli talent Luke Brincat, li minkejja l-eliminazzjoni tiegħu, ħalla impressjoni qawwija fuq il-ġurija u l-udjenza. Issa, il-kompetizzjoni qed tkompli bi 12-il semifinalist, żgħażagħ determinati li kollha qed jaspiraw li jirbħu l-premju ta’ €30,000 biex ikomplu jiżviluppaw it-talent tagħhom fiż-żfin.
It-tema ta’ din il-ġimgħa, “Lace & Leather”, se tpoġġi sfida unika quddiem il-parteċipanti. Iż-żeffiena jridu jagħżlu silta li tippermettilhom jesprimu kemm il-ħlewwa u l-vulnerabbiltà tagħhom, kif ukoll is-saħħa u l-enerġija tal-personalità tagħhom, kuntrast li bla dubju jwassal għal prestazzjonijiet intensi u memorabbli.
Il-mistoqsija li kulħadd qed jistaqsi hi: min se jirnexxielu jgħaddi għad-“Dance Off” u min se jkollu jħalli l-kompetizzjoni f’dan l-istadju kruċjali? Ma jonqsux id-dramm u s-sorpriżi hekk kif il-programm ikompli jersaq lejn il-finali. L-appuntament huwa nhar l-Erbgħa fit-20:35 fuq ONE, programm ieħor li żgur ma tridx titlef!