Erba’ Finalisti Iżda Vuċi Waħda Se Tirbaħ: Min Se Jgħolli T-Trofew Ta’ X Factor Malta – Back To Win?

Il-finali ta’ X Factor Malta – Back To Win waslet, u magħha erba’ ismijiet li kull wieħed minnhom kiteb kapitlu differenti f’din l-edizzjoni speċjali. Lisa Gauci, Jasmine Abela, Amelia Kalabic u Miguel Bonello huma l-erba’ finalisti li se jitilgħu fuq il-palk għall-aħħar darba dan l-istaġun – lejla li se tiddeċiedi min se jerfa’ t-trofew.



Lisa Gauci tul dan il-vjaġġ uriet maturità vokali li diffiċli tinjoraha. It-ton distintiv tagħha, mimli saħħa u kontroll, jagħmilha vuċi li tagħrafha mill-ewwel nota. Hija kantanta b’firxa vokali impressjonanti – kapaċi tgħaddi minn mumenti delikati u intimi għal splużjonijiet vokali li jħallu lil kulħadd bla kliem. Kull dehra tagħha fuq il-palk kienet dikjarazzjoni ta’ kunfidenza u konsistenza, kwalitajiet li f’dan l-istadju tal-kompetizzjoni jagħmlu differenza kbira.



Jasmine Abela, min-naħa tagħha, kienet forsi l-aktar waħda versatili f’din l-edizzjoni. Ġimgħa wara ġimgħa impressjonat b’interpretazzjonijiet varjati li wrew kemm kapaċi tadatta ruħha għal ġeneri u stili differenti. Minn kanzunetti emozzjonali għal oħrajn aktar enerġetiċi, Jasmine dejjem sabet mod kif tagħmel il-kanzunetta tagħha. Hija wriet li mhux biss għandha vuċi soda, imma wkoll intelliġenza artistika li tagħżel u twassal il-kanzunetti.



Miguel Bonello jidħol f’din il-finali bħala l-underdog li sfida kull aspettattiva. Minn kmieni fil-kompetizzjoni ma kienx neċessarjament meqjus fost il-favoriti, iżda bil-ħidma u d-determinazzjoni tiegħu rnexxielu jasal sa hawn. Il-preżenza tiegħu fil-finali hija prova li l-perseveranza u t-twemmin fik innifsek jistgħu jwassluk aktar milli ħafna jaħsbu. Żgur li l-ħidma tiegħu hija ta’ min jammira.

Amelia Kalabic hija kantawtriċi b’sens artistiku ċar u identità li tispikka. Hija wriet li għandha kapaċità sabiħa fil-kitba u fl-espressjoni personali, għalkemm sfortunatament matul il-kompetizzjoni ma kellniex wisq opportunità nisimgħu biżżejjed mill-materjal oriġinali tagħha. Xorta waħda, il-preżenza tagħha żiedet saff differenti u aktar personali ma’ din l-edizzjoni u s-semifinali kienet waħda mill-aqwa prestazzjonijiet li tat.

Issa kollox jinsab f’idejn il-pubbliku. Erba’ stejjer differenti, erba’ vjaġġi uniċi – iżda finali waħda biss. Lejla li se tagħlaq kapitlu importanti f’Back To Win u li bla dubju se tibqa’ mfakkra għal-livell għoli ta’ talent li rajna fuq il-palk.

Ritratti:

Facebook / X Factor Malta

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI