Intervent f’waqtu mill-Forzi Armati ta’ Malta wassal biex erba’ persuni jiġu salvati wara li sabu ruħhom f’diffikultà waqt li kienu fuq kayak fil-limiti ta’ San Tumas.
L-inċident seħħ illum waranofsinhar, meta l-Malta Rescue Coordination Centre irċieva rapport mingħand ic-Civil Protection Department dwar sitwazzjoni ta’ emerġenza fil-baħar. Minnufih intbagħtet lanċa tas-salvataġġ li rnexxielha ssib lill-persuni f’diffikultà u twettaq operazzjoni ta’ salvataġġ b’suċċess.
Wara li ġew salvati, il-persuni kollha ttieħdu u ngħataw lill-ħaddiema mediċi tal-isptar Mater Dei sabiex jingħataw kura u jiġu evalwati l-kundizzjonijiet tagħhom.
Dan l-inċident jerġa’ jfakkar kemm huwa importanti li dejjem nieħdu prekawzjonijiet meta nkunu fuq il-baħar, speċjalment f’attivitajiet bħal kayaking li jistgħu jinbidlu f’mumenti ta’ periklu jekk il-kundizzjonijiet ma jkunux favorevoli.
Facebook/ AFM