Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, nieda l-inizjattiva Karta Festa 2026, organizzata miċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora. It-tnedija saret f’maħżen tal-Karnival fil-Marsa u rrappreżentat laqgħa bejn il-kreattività, l-artiġjanat u l-ispirtu komunitarju tal-Karnival mal-esplorazzjoni xjentifika.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari enfasizza kif Karta Festa tgħaqqad ix-xjenza mas-sostenibbiltà u l-wirt kulturali Malti, permezz ta’ esperjenzi prattiċi u aċċessibbli għal kulħadd. Huwa qal li din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn kontinwu tal-Gvern li jinvesti fl-edukazzjoni xjentifika, il-kreattività u l-innovazzjoni bħala pedamenti essenzjali għall-futur ta’ Malta.
Żied jgħid li billi x-xjenza tiġi integrata fit-tradizzjonijiet kulturali tagħna, qed jinħolqu opportunitajiet biex iż-żgħażagħ u l-familji jinvolvu ruħhom b’mod inklussiv u marbut direttament mal-identità u l-valuri Maltin.
Ispirat mill-arti u t-tekniki tal-karrijiet tal-Karnival, Karta Festa 2026 jippreżenta programm varjat li jinkludi wirjiet tax-xjenza live, workshops kreattivi u attivitajiet interattivi miftuħa għall-etajiet kollha. Fost l-attivitajiet ewlenin hemm wirja live dwar il-konservazzjoni u ċ-ċiklu tal-ilma, workshops prattiċi dwar ir-riċiklaġġ, it-tessuti u materjali sostenibbli, sessjonijiet ta’ rakkontar ta’ stejjer għal tfal iżgħar b’temi ambjentali u marittimi, kif ukoll attivitajiet “Science on the Spot” fejn il-viżitaturi jkunu jistgħu jikkontribwixxu fid-disinn, il-bini u r-restawr ta’ elementi ispirati mill-Karnival.
Id-Deputat Direttur ta’ Esplora, Kiki Mizzi, qalet li l-Karnival huwa festa ta’ immaġinazzjoni, kuluri u artiġjanat, u li permezz ta’ Karta Festa l-arti qed titpoġġa fiċ-ċentru tat-tagħlim. Dan il-programm, qalet, iħeġġeġ lill-parteċipanti jesploraw id-disinn, il-forom u l-kreattività filwaqt li jifhmu kif il-proċessi artistiċi u xjentifiċi jimxu id f’id.
Karta Festa 2026 se tittella’ fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora bejn l-14 u s-17 ta’ Frar 2026, matul il-perjodu tal-Karnival. L-avveniment se joffri lill-familji esperjenza unika biex jiskopru x-xjenza permezz ta’ waħda mill-aktar tradizzjonijiet kulturali vibranti ta’ Malta. Aktar dettalji dwar il-programm u l-bookings se jitħabbru aktar ’il quddiem.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur www.esplora.org.mt.