Lelio Spiteri, is-surmast ta’ The Happy School f’Għawdex, qasam kitba ta’ gratitudni għax-xogħol tiegħu li tant jagħti sodisfazzjon lilu u lil nies oħra.
Lelio spjega, “Din il-ġimgħa kelli bżonn naħrab waħda sa Malta. Irkibt Bolt. Ix-xufier inzerta Malti. Matul it-triq qbadna diskursata ħelwa. Qalli, ‘Int mintix is-surmast ta’ Għawdex? Rajt il-video tiegħek meta mort tistad ix-Xlendi għall-parit. Prosit kemm kont tagħmel videos sbieħ.’”
Hu u sejjer lura Għawdex, iltaqa’ ma’ mara li “Qaltli li kienet bagħtitli messaġġ biex nitolbu għan-neputi tagħha li kien tela’ Londra għall-kura. Illum it-tifel jinsab tajjeb. Irringrazzjatni tat-talb għal darba tnejn u żiedet ukoll li hija ssegwini fuq il-mezzi soċjali u jogħġobha ferm l-istil li bih immexxi l-iskola.” Iktar tard, “Kif ser ninżel mill-vapur, jersaq żagħżugħ miż-Żejtun u li jattendi s-Sixth Form u qalli li ra l-video tal-kant tal-Innu Malti waqt l-assemblea ta’ filgħodu fl-iskola. Talabni biex nibqa’ nagħmel assemblies sbieħ, kollha ħajja ‘għax it-tfal hekk iridu.’”
Lelio stqarr li “F’ċirkostanzi bħal dawn inħossni xxurtjat tassew li naħdem u ngħix mat-tfal, u fl-istess ħin grat lejn dawk kollha ta’ madwari li jgħinuni nwettaq dmiri bl-aħjar mod possibbli.”