Timmaġina priġunier isservi s-sentenza mid-dar? Jidher illi f’pajjiżna din is-sistema daqt ħa tkun introdotta. Il-priġunieri jkunu mlibbsa tikketta elettronika u b’hekk ikunu jistgħu jibqgħu taħt house arrest milli jservu s-sentenza tagħhom mill-ħabs.
Il-Ministru għall-Affarijiet Interni Byron Camilleri żvela waqt L-Erbgħa Fost il-Ġimgħalbieraħ li beħsiebu jipproponi liġi bħal din fil-Parlament, u qal li din tapplika biss għal priġunieri li jiskontaw sentenzi qosra u dawk li mhumiex meqjusa bħala periklu għas-soċjetà.
“Huma se jilbsu bracelet madwar sieqhom u għalhekk se jiġu rintraċċati kontinwament,” qal Camilleri waqt dibattitu fuq l-istess programm. “Minflok ma tibgħat lil xi ħadd il-ħabs għal numru ta’ xhur, il-qrati jitħallew jagħmlu n-nies jiskontaw is-sentenza tagħhom id-dar b’tikketta elettronika.”
Hemm numru ta’ pajjiżi madwar l-Ewropa li ġa implimentaw din is-sistema, inkluż Franza fejn il-eks President Franċiż Sarkozy mistenni jagħmel hekk jekk jitlef l-appell tiegħu, wara li ġie kkundannat għal tliet snin ħabs sospiżi għal sentejn fuq korruzzjoni.
Liġi bħal din taf tgħin biex issolvi l-problemi persistenti ta’ iffullar fil-ħabs ta’ pajjiżna iżda żgur li hemm min ma jaqbilx dwar sistema bħal din! Inti x’taħseb?