Il-paġna lokali Aġġornament tat-Temp tikteb, “Fi tmiem din il-ġimgħa ser nassistu għal firxa wiesgħa ta’ pressjoni baxxa li ser iġġib magħha temp instabbli u speċjalment riħ aktar qawwi milli kellna fl-aħħar jiem.”
Huma jispjegaw, “Dak li hu mistenni huwa li, filwaqt li l-Ewropa ser tinħakem direttament minn dan il-maltemp, fil-Mediterran huma mistennija kurrenti qawwija ta’ riħ forza 8 mill-Majjistral. Dan ir-riħ qawwi ħafna fuq il-gżejjer Maltin mistenni jibda nhar is-Sibt wara l-13:00 u jilħaq il-massimu bejn l-22:00 u l-Ħadd fl-4:00. Ħudu nota ta’ din it-twissija ta’ riħ qawwi ħafna mill-Majjistral.”
Huma jżidu, “Nhar il-Ħadd li ġej, mas-sebħ tal-jum, ir-riħ jinżel għal forza 7 u tard wara nofsinhar jinżel għal forza 6 Punent Majjistru. Xi ħalba xita hija prevista kemm is-Sibt kif ukoll il-Ħadd. Bħala temperatura għal tmiem il-ġimgħa nsibu li l-ogħla tmiss l-14°C u l-inqas l-10°C. Temp xitwi, kif wara kollox mistenni f’Jannar.”
Il-paġna tikkonkludi, “Ta’ min ifakkar li, bħala medji klimatiċi, insibu li bħala xita jkollna madwar 90mm xita u bħala temperatura nsibu medja tal-ogħla ta’ 15°C u l-inqas ta’ 10°C.”