Fit-Tindif Tax-Xitwa Ġewwa Kemmuna Jinġabar Kważi 600kg Ta’ Skart Tal-Ħġieġ

Comino winter clean up

Nhar is-Sibt, 6 ta’ Diċembru, Friends of the Earth Malta (FoEM), b’kollaborazzjoni ma’ Din l-Art Ħelwa u l-Fondazzjoni Ambjentali ta’ Malta (MEF), organizzat tindif ieħor ġewwa Kemmuna.

Dan isegwi inizjattiva simili li saret f’Mejju li għadda, li matulha kważi żewġ tunnellati ta’ skart inġabru miż-żona għall-proġett ewlieni tal-FoEM, Il-Forn ta’ Kemmuna.

Din id-darba, l-NGOs iffokaw fuq it-tneħħija tal-fdalijiet tal-ħġieġ miż-żona tal-Batterija ta’ Santa Marija, li rriżulta fit-tneħħija ta’ kważi 600kg ta’ skart tal-ħġieġ.

Voluntiera, inkluż Xagħra Scouts Group, flimkien ma’ organizzazzjonijiet ambjentali għal darb’oħra ngħaqdu biex ineħħu frammenti tal-ħġieġ li ilhom għexieren ta’ snin, ħafna minnhom oriġinaw minn dik li kienet magħrufa bħala l-lukanda ta’ Kemmuna, u li ilhom imxerrdin.

Iż-żona madwar il-Batterija ta’ Santa Marija kienet miksija b’depożiti kbar ta’ skart tal-ħġieġ. It-tneħħija ta’ dan il-materjal perikoluż hija kruċjali, peress li toħloq riskji ta’ nar, u sservi ta’ theddeda għall-ekosistema diġà fraġli ta’ dan is-sit protett tan-Natura 2000.

Bit-tieni żona issa mnaddfa minn depożiti perikolużi tal-ħġieġ, l-isforzi jkomplu biex Kemmuna tinżamm nadifa u jiġu protetti l-flora u l-fawna li huma ċentrali għall-ekosistemi indiġeni ta’ Malta.



Dan it-tindif jgħin biex jitnaqqas l-istress kumulattiv imqiegħed fuq l-ambjent tal-gżira minħabba skart mhux immaniġġjat u debris li ilu għexieren ta’ snin.



Permezz ta’ inizjattivi bħal dawn, l-organizzazzjoni għandha l-għan li trawwem kuxjenza ambjentali akbar fost il-pubbliku ġenerali biex tissalvagwardja ż-żona.

Barra minn hekk, il-kollaborazzjoni tal-FoEM ma’ Din l-Art Ħelwa, kustodji tat-Torri ta’ Santa Marija, tenfasizza l-impenn fit-tul taż-żewġ organizzazzjonijiet biex jipproteġu Kemmuna.

Il-forn storiku tal-FoEM serva bħala bażi ċentrali fejn il-voluntiera setgħu jinġabru, jistrieħu, u
jgawdu ftira b’ingredjenti bbażati fuq il-pjanti wara x-xogħol iebes tagħhom.

Il-Forn ta’ Kemmuna huwa l-proġett ewlieni tal-FoEM, immirat lejn il-ħolqien ta’ ċentru ta’ edukazzjoni ambjentali fuq Kemmuna biex jenfasizza s-sinifikat tagħha bħala sit tan-Natura 2000.

Din is-sena, il-FoEM kompliet ix-xogħol ta’ restawr u ospitat attivitajiet fuq skala żgħira, inkluż dan it-tindif, grazzi għall-appoġġ tal-assoċjata tagħha, Kaizen Foundation, li qed tikkofinanzja l-ewwel fażi tal-proċess ta’ restawr.



L-FoEM tixtieq tirringrazzja lill-voluntiera kollha li pparteċipaw fit-tindif, inkluż Xagħra Scouts Group, kif ukoll Din l-Art Ħelwa u l-MEF, talli għamlu dan it-tindif possibbli.

Bis-saħħa tal-isforzi ta’ kulħadd, żona oħra tal-gżira tneħħiet mid-debris, għalkemm għad fadal ħafna xogħol xi jsir.

Fl-aħħar nett, il-FoEM tesprimi l-gratitudni tagħha lil Kaizen Foundation għall-appoġġ ġeneruż tagħha biex tgħin fit-twaqqif taċ-ċentru tal-edukazzjoni ambjentali fuq Kemmuna.

Din l-inizjattiva hija parti mill-proġett Ditch the Waste – Save Comino, li huwa ffinanzjat mill-
Malta Environmental Foundation.

Dawk li tilfu l-avveniment xorta jistgħu jkunu parti mill-isforz biex jappoġġjaw Il-Forn ta’ Kemmuna billi jagħmlu donazzjoni. Skopri aktar HAWN

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI