“Fl-2020, Ħajti Nbidlet B’Mod Li Qatt Ma Kont Nistenna Meta Skoprew Li Għandi Kanċer Tas-Sider.” – Mariska Vella, Omm Il-Mibki Jake Vella

Mariska Vella, omm il-mibki Jake Vella, qasmet messaġġ qawwi u emozzjonanti dwar il-vjaġġ diffiċli li għaddiet minnu wara li fl-2020 ġiet iddijanjostikata bil-kanċer tas-sider. Ilbieraħ id-dinja fakkret il-jum tal-kanċer, jum li joħloq aktar għarfien.

Hi tikteb, “Fl-2020, ħajti nbidlet b’mod li qatt ma kont nistenna meta skoprew li għandi kanċer tas-sider. Il-vjaġġ li segwa kien twil u ta’ tbatija kbira. Għaddejt minn kimoterapija, kirurġija, radjoterapija u 18-il xahar ta’ Herceptin. Ġismi kien għajjien, qalbi spiss kienet mimlija biża’, u kien hemm jiem meta kollox kien jidher tqil u diffiċli wisq.”

Mariska żżid, “Kien hemm mumenti mimlija dmugħ, inċertezza u silenzju — mumenti fejn staqsejt lili nnifsi kif kont se nsib is-saħħa biex inkompli. Madankollu, b’xi mod, jum wara jum, komplejt għaddejja. Tgħallimt inżomm it-tama, infittex il-pożittiv anke fl-aktar mumenti mudlama, u nemmen li dan il-kapitlu diffiċli ma kienx se jkun it-tmiem tal-istorja tiegħi.”

Hi ttemm tgħid, “Illum, jien superstiti. Inġorr dan il-vjaġġ miegħi mhux bħala tifkira ta’ wġigħ, iżda bħala simbolu ta’ saħħa, reżiljenza u mħabba. Naqsam l-istorja tiegħi biex oħrajn li qed jaffaċċjaw il-kanċer iħossuhom inqas waħedhom, aktar mifhuma, u mfakkra li anke wara l-aktar maltempati qawwija, il-ħajja tista’ terġa’ tiffjorixxi.”







Ritratti:

Facebook / Mariska Vella

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI