Fil-jum iddedikat lis-saħħa mentali, Oliver Scicluna jitkellem dwar l-isfidi li għadda minnhom. Hu jibda billi jgħid, “Ma rridx simpatija, u lanqas lil min jitħassarni. Jien mhux suġġett għal min jitħassarni, jiġifieri dak punt li rrid nagħmel qabel inkompli nikteb.”
Oliver ikompli, “Però qiegħed naqsam magħkom esperjenza li affetwatli s-saħħa mentali tiegħi mhux ftit, u xi kultant anke jekk ħdimt fuqi nnifsi għadni nħoss l-effetti tagħha. Il-ħajja pubblika drajt ngħixha u mhux kulurita daqs kemm wieħed jaħseb, min jgħix fl-isfera pubblika forsi jifhem aħjar x’qiegħed nipprova ngħid.”
Bl-iktar mod onest jistqarr, “Qatt qabel ma tkellimt dwara, però dan iż-żmien kien partikolarment iż-żmien qasir li jien għamilt fil-politika. Mhu tort ta’ ħadd li għaddejt minn dan iż-żmien diffiċli psikoloġikament. Forsi huwa biss jien li mhux maqtugħ għal politika u ma stajtx nidra fl-ambjent politiku. Ma nafx ir-raġuni.”
Hu jkompli, “Qabel dħalt qatt ma ħsibt li ser nidħol fil-politika għax ma kellix dik l-ambizzjoni iżda dħalt għax emmint li forsi stajt inkun ta’ kontribut. Ma kellux ikun li nkompli u dak naċċettah. Iżda d-dannu psikoloġiku hemm qieghed.”
Hu jtemm jgħid, “Mhux ħa nwaħħal f’ħadd għax id-deċiżjonijiet jien ħadthom, u tajjeb li meta wiehed issib ruħu f’mumenti ta’ dipressjoni jaħdem fuqha, ifittex l-għajnuna u jieħu ħsieb is-saħħa mentali tiegħu. Din ma hemmx mistħija dwara, kollha naqdfu fl-istess baħar. Ikun min ikun.”
Facebook / Oliver Scicluna