Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħha fuq Facebook, l-attriċi u awtriċi Sharon Calleja qasmet mas-segwaċi tagħha kelmtejn iddedikata lil Lorenza, li bħalissa qed tinterpreta l-karattru tagħha fuq Friefet.
Hi qalet, “Għażiża Lorenza, nħossni onorata li qed naħdem il-parti tiegħek. Parti ta’ persuna li għaddiet minn ħafna tbatijiet fi żmien il-gwerra. Minn mindu ġejt f’moħħi inti biex nikteb storja fuqek, inti ma ħallejtnix kwieta. Kien dakinhar li dħalt fix-xelter li hemm taħt il-War Museum tal-Birgu. Smajt il-bikja tiegħek tidwi b’disprament mitlufa fi żmien l-imgħoddi bl-eku għadu jidwi hemm sallum fost ħafna nies oħra li minjaf kemm batew hemm taħt.”
Żiedet tgħid, “Għallimtni nħoss l-uġigħ tal-gwerra, ta’ dawk li tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom u ta’ dawk li ħabbew verament. Lorenza, jien għaddejt miegħek kull mument u ġieli qabel għajtu action, kien ikolli nżomm id-dmugħ milli joħroġ minn għajnejja fost ħafna emozzjonijiet illi inti ġagħltni nħoss. Inħoss li parti kbira minnek se tibqa miegħi. Miegħi għal dejjem. Għallimtni ħafna.Kbirna flimkien f’karattru aktar sod. Jien u int.”
Qalet ukoll, “Ħassejt demmek ibaqbaq fil-vini tiegħi u tajtek iċ-ċans li tħares lejn id-dinja minn għajnejja. U fl-aħħarnett laqqajtni ma’ ħafna nies sbieħ u mimlija talent. Grazzi talli kont u tibqa karattru minn storja tiegħi. Grazzi talli inti parti minn Friefet.”