Fi stqarrija uffiċjali tħabbar li għalqa abbandunata fil-Mosta, li tkopri ’l fuq minn 4,000 metru kwadru u li tinsab fl-iskema tal-iżvilupp, se tingħata ħajja ġdida biex tibda titgawda mill-komunità, dan bħala parti minn investiment ta’ €4.5 miljun fi proġetti ta’ tħaddir madwar il-pajjiż, inkluż fil-Ħamrun, Ħal Qormi u f’Ħaż-Żabbar. L-għalqa, magħrufa bħala ta’ ‘Ċikku Fenech’, hija kbira daqs grawnd tal-futbol u sservi ta’ pulmun aħdar fil-komunità.
Attwalment, fiha wħud mill-ispeċi ta’ siġar tipiċi Maltin, bħal żebbuġ u ċipress, iżda tinsab abbandunata u mhux ikkultivata. Il-proġett ta’ riġenerazzjoni u ta’ konservazzjoni tal-ġnien tħabbar mis-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Malta s-sur Richard Bilocca, b’kollaborazzjoni mal-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia.
Il-proġett se jkun iffinanzjat mill-Fond Soċjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali, l-NDSF, u implimentat u amministrat minn GreenServ. Il-proġett iħares l-ekosistemi fraġli li hemm fl-għalqa abbandunata, filwaqt li jagħmilha aċċessibbli b’mod li tista’ titgawda mill-komunità. Permezz ta’ dan l-investiment, se jkun żgurat li spazju aħdar miftuħ jiġi imħares f’nofs żona urbana.
Id-disinn huwa diskret u mmirat biex jikkumplimenta dak li diġà huwa preżenti, fosthom is-siġar, l-ekosistemi, il-pajsaġġ naturali u l-ġebla tipika Maltija. L-ispazju se jkun aċċessibbli u komdu biex jitgawda minn nies ta’ kull età u ta’ kull ħtieġa.