Aktar kmieni illum, waqt edizzjoni speċjali tal-programm Xarabank Online, il-komiku Joe Debono, li kien jinterpreta l-parti ta’ James Bondin, żvela li din is-sena sar jaf li għandu l-ALS.
Huwa qal li sa issa diġà tilef l-abbiltajiet f’idejh u qed jistenna li maż-żmien il-marda tkompli tiprogressa. F’intervista serja u li tqanqal emozzjoni, Debono qal li Bjorn Formosa huwa sors kbir ta’ kuraġġ għalih u qal ukoll li l-ALS Malta diġà provdietlu dak kollu li ġie bżonn, minn sodda sa fiżjoterapista sa kompjuter li jitħaddem bl-għajnejn.
Intant, diversi segwaċi, ex-kollegi u ħbieb ta’ Joe Debono esprimew l-uġiegħ li ħassew waqt li raw lil Joe jitkellem dalgħodu. Fost l-oħrajn il-kantant Aldo Busuttil kiteb dan il-messaġġ:
“Għażiż Joe, kemm kont iddaħħaqna fis-Sala Erin Serracino Inglott, iż-żmien sabiħ meta kont fit-team Xarabank ma ninsieħ qatt. Kont ngħid kif jirnexxilek ta’ kull ġimgħa tagħmel sketch mhux biss nitbissmu imma ħafna drabi iwassal messaġġ. Illum meta rajtek fil-filmat ma dħaktx, iżda ħsadtni, daħħaltni f’qoxorti u bikkejtni. Emmini ma nafx x’naqbad ngħidlek ħlief li tagħmel kuraġġ u li int se tkun raġuni akbar biex nagħti l-kontribuzzjoni għall-Fondazzjoni Bjorn Formosa li tagħmel ħafna ġid. Illum kont int għada nista’ jkun jiena jew qarib.”
Nhar il-Ħadd li ġej, fis-27 ta’ Settembru, l-ALS Malta se tkun qed tiġbor il-fondi sabiex tinfetaħ Dar Bjorn akbar minn dik li diġà teżisti, sabiex takkomoda lil Joe Debono u diversi oħrajn.
Tista’ ssegwi l-intervista sħiħa li għamel Peppi Azzopardi ma’ Joe Debono hawn:
Facebook / Xarabank / Aldo Busuttil