Il-proċess tal-adozzjoni diġa’ huwa wieħed twil u li f’ċertu waqtiet iebes tant li l-ġenituri jbatu biex jaslu fejn iridu.
Is-sitwazzjoni tal-koppji Svetlana u Kenneth Camilleri, Angie u Kevin Farrugia, hi waħda ta’ qsim il-qalb hekk kif minħabba l-miżuri li ttieħdu ġewwa l-Indja waqt il-pandemija tal-Covid-19 il-proċess tal-adozzjoni twal aktar u diġa’ ilhom xhur jistennew. Il-gvern tal-Indja mid-dehra ħa jippermetti vjaġġi lejn pajjiżi internazzjonali minn wara l-31 ta’ Lulju. Dan qed iwassal lill-erba’ ġenituri jistennew ħafna aktar milli ħasbu biex ikollhom lil uliedhom magħhom.
Huma tkellmu ma’ Gaon Connection fejn urew kemm huma lesti jagħmlu dak kollu possibli u li hemm bżonn biex uliedhom ikunu magħhom. Jekk hemm bżonn lesti li anke joqogħdu kwarantina fl-Indja – l-aqwa li l-istennija biex iħaddnu lil uliedhom magħhom fl-aħħar tieqaf.
“Anamika tistaqsina kuljum meta ser tidħol id-dar oħtha. Smajt din il-mistoqsija miljun darba issa u ma nafx x’għandek tgħidilha”. min-naħa l-oħra Svetlana tisħaq li tixtieq aktar għajnuna biex ġenituri bħalhom ma jbatux daqstant biex jgħaddu dan il-proċess b’wiċċ il-ġid. “Għandu jkun hemm xi mod kif toħroġ għall-ġenituri bħalna xi tip ta’ viża speċjali, eżenzjoni biex inkunu nistgħu nivvjaġġaw lejn l-Indja u nkunu mat-tfal tagħna u nġibuhom id-dar, mal-familji tagħhom”.
Nissimpatizza ma’ dawn il-koppji f’dawn il-mumenti iebsin u nittamaw li ma jdumux ma jgawdu lit-tfal tagħhom li jinsabu ‘l bogħod minnhom. Kuraġġ lil Svetlana, Kenneth, Angie u Kevin!