Kien madwar sena ilu meta bejn diskursata u oħra fost grupp ta’ ġenituri Maltin ħadet il-ħajja inizjattiva li kellha l-għan li tagħti lill-ulied trobbija mingħajr il-perikli li ġġib magħha il-midja soċjali.
L-inizjattiva ‘Smartphone Free Childhood Malta & Gozo’ taspira li ttawwal it-trobbija tal-ulied billi testendi l-perjodu li matulu t-tfal ma jkunux mehdija fil-midja soċjali iżda minflok ikunu ffukati li jsaħħu r-relazzjonijiet tagħhom ma’ sħabhom, li jikbru emozzjonalment u li jgawdu l-ħajja minn perspettiva li tmur lil hinn mit-teknoloġija.
Xi jiem ilu tkellmet fuq Popolin Elaine Pavia Grima, il-moħħ ewlieni wara din l-inizjattiva. Hi spjegat kif bl-istess mod li l-ġenituri Maltin jispjegaw lil uliedhom dwar il-ħsara fiżika li t-tipjip jikkawża, hekk ukoll il-ġenituri għandhom jedukaw lil uliedhom dwar il-midja soċjali u l-perikli li din iġġib magħha.
Hi tkellmet għan-nom tal-għaqda li qed tmexxi din l-inizjattiva fi sfond ta’ dibattitu li qed iseħħ bħalissa f’pajjiżna dwar x’għandha tkun l-età li fiha t-tfal u ż-żgħażagħ Maltin jitħallew jużaw il-midja soċjali.
Facebook / Popolin u Pexels