Skont informazzjoni mressqa fil-Parlament, matul l-2025 ġew irreġistrati total ta’ 2,174 każ ta’ vjolenza domestika mal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.
Dan in-numru juri tnaqqis żgħir meta mqabbel mal-2024, meta ġew irreġistrati 2,225 każ, iżda żieda meta mqabbel mal-2023, li fih ġew irreġistrati 2,071 każ. Fl-2021 u 2022 kien hemm rata aktar baxxa ta’ każijiet, b’1,741 u 1,828 każ rispettivament.
In-nisa baqgħu jirrappreżentaw l-akbar numru ta’ vittmi ta’ abbuż domestiku f’ħafna lokalitajiet, b’117-il każ f’San Pawl il-Baħar fl-2025. Fl-istess sena, 34 raġel irrappurtaw li kienu vittmi ta’ vjolenza domestika minn din il-lokalità kif ukoll mill-Mosta, li kienu l-aktar żoni b’każijiet irrappurtati minn irġiel.
Meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari, il-Ministru Byron Camilleri qal li fl-2020 l-Korp tal-Pulizija ta’ Malta waqqaf, għall-ewwel darba, skwadra speċjalizzata fuq il-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u l-vjolenza domestika, bil-għan li tissaħħaħ l-għajnuna u l-appoġġ lill-vittmi.
Huwa spjega wkoll li nfetħu ċentri ta’ appoġġ f’Santa Luċija u f’Għawdex, filwaqt li x-xogħol fuq ċentru ieħor fl-Imtarfa wasal biex jitlesta. Barra minn hekk, qed jiġi ppreparat hub ieħor li mistenni jibda jopera fil-futur qrib.
Facebook / Malta Police Force