Permezz ta’ filmat u messaġġ sabiħ fuq TikTok, Melanie Grech sellmet il-memorja ta’ Steve u Daniel, il-missier u l-iben li riċentament ħallew din id-dinja.
Qalet, “Għadni ma nistax nemmen kif f’ħin daqshekk qasir tlift żewġ anġli għeżież minn ħajti. Uġigħ li diffiċli tispjegah bil-kliem, vojt kbir li ħadd ma jista’ jimlieh. It-tnejn li kontu, kontu nies maħbubin minn kulħadd. Qlub kbar, dejjem lesti biex tgħinu lil min ikun fil-bżonn, u dejjem bi tbissima fuq wiċċkom li kienet tferraħ lil kull min jiltaqa’ magħkom.”
Żiedet, “Ziju Steve, grazzi minn qalbi ta’ dak kollu li għamilt miegħi u mal-familja kollha. Dejjem poġġejt lilna qabel kollox u dejjem urejt kemm kienet kbira qalbek. Kont bniedem li tħobb is-sempliċità tal-ħajja, b’qalb kbira u dejjem lest biex tferraħ lil ta’ madwarek. Danjel, kuġin għażiż, qalbek kienet safja u mimlija tjubija. It-tbissima tiegħek kienet speċjali, tbissima li qatt ma se ninsew. Kont bniedem mimli kuraġġ u ferħ. Dejjem lest biex tferraħ u tkun ta’ spalla għal ħaddieħor. Kontu t-tnejn tħobbu lil Birkirkara b’qalbkom kollha, u naf kemm kontu kburin b’dak il-post.”
Temmet tgħid, “Wara daqshekk tbatija, issa naf li fl-aħħar erġajtu ngħaqadtu flimkien fil-ġenna. Missier u iben, li issa saru żewġ anġli sbieħ li se jibqgħu jħarsuna minn hemm fuq.”
Kondoljanzi lill-familja kollha.