Il-European Broadcasting Union (EBU) ta permess speċjali lill-vjolinista Finlandiża Linda Lampenius biex iddoqq il-vjolin live waqt il-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena.
Lampenius se tkun qed takkumpanja lill-kantant Finlandiż Pete Parkkonen waqt il-prestazzjoni tal-kanzunetta Liekinheitin, f’mument li diġà qed iqajjem interess kbir fost il-partitarji tal-Eurovision speċjalment minħabba l-fatt li l-kanzunetta hija l-favorita li tirbaħ din l-edizzjoni.
Dan se jkun avveniment storiku hekk kif hija l-ewwel darba wara numru ta’ snin li strument live se jinstema’ waqt il-konkors. L-aħħar darba li l-Eurovision kellu mużika live b’mod regolari kienet qabel l-1998, meta l-orkestra tradizzjonali tneħħiet uffiċjalment mill-kompetizzjoni.
Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-wirjiet kollha kienu jiddependu fuq backing tracks u mużika rrekordjata minn qabel. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-EBU li tippermetti l-vjolin live qed titqies bħala pass differenti u nostalgiku għal ħafna segwaċi tal-festival.
Ħafna fans diġà esprimew l-eċitament tagħhom fuq il-midja soċjali, b’uħud jgħidu li l-użu ta’ strument live jista’ jagħti aktar emozzjoni u awtentiċità lill-prestazzjoni Finlandiża fuq il-palk tal-Eurovision.
Facebook / Eurovision Song Contest