Fi tmint ijiem, l-istat ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika f’Malta se jitneħħa. Minkejja dan, jidher li ċerti linji gwida għadhom jiġu segwiti.
F’kummenti lil WhosWho.mt, l-Awtoritajiet tas-Saħħa qalu li stabbilimenti bħal ristoranti, bars, lukandi, lido’s, beauticians, ħwienet tal-ħwejjeġ, tax-xagħar u affarijiet simili, xorta għandhom isegwu protokolli uffiċjali misjuba fuq il-websajt tad-Deputat PM u tal-Ministru tas-Saħħa, anke wara l-istatus ta’emerġenza tas-saħħa pubblika jitneħħa fit-30 ta’ Ġunju.

“Il-linji gwida skont il-websajt ODPM għadhom fis-seħħ,” qal rappreżentant. Dan ifisser li Perspex fi ħwienet bħal tad-dwiefer għad irid jintuża, distanza ta’ tliet metri bejn l-imwejjed ġewwa ristoranti trid tinżamm u ħwienet bħal tax-xagħar u tal-ħwejjeġ għadhom jillimitaw l-ammont ta’ nies ġewwa fi kwalunkwe ħin partikolari.

Dwar jekk il-protokolli humiex infurzati legalment ladarba titneħħa l-emerġenza tas-saħħa pubblika, l-awtoritajiet ikkonfermaw li huma peress li “l-linji gwida kollha jinħarġu taħt l-Att dwar is-Saħħa Pubblika u mhux taħt l-Emerġenza tas-Saħħa Pubblika.”