Għaxar snin ilu, grupp ta’ żgħażagħ Maltin iltaqgħu għall-ewwel darba, bla ma kienu jafu li dak il-jum kien se jkun il-bidu ta’ vjaġġ mimli mużika, tagħlim u ħafna memorji. Illum, Avenue Sky qed jiċċelebraw 10 snin ta’ storja li nkitbet b’ħidma, passjoni u qalb kbira.
Matul dawn l-għaxar snin, il-grupp għadda minn bidliet naturali: “konna sitta, imbagħad ħamsa, erbgħa, u reġgħu nbidlu r-ritmi…imma ħaġa waħda baqgħet dejjem l-istess: l-imħabba għall-mużika.” Avenue Sky ħadu sehem f’kompetizzjonijiet ewlenin bħall-Eurovision lokali, Mużika Mużika, Għanja tal-Poplu u KKI u ħallew il-marka tagħhom permezz ta’ kollaborazzjonijiet ma’ artisti oħra, kanzunetti li laħqu l-quċċati tal-listi tar-radju u prestazzjonijiet li baqgħu f’moħħ il-pubbliku.
Jingħad ukoll li dan il-vjaġġ ma kienx biss dwar is-suċċess mużikali. Kien ukoll dwar il-ħajja. Huma jżidu li “Matul is-snin, xi membri tal-grupp iżżewġu, bdew jibnu familji, irranġaw djarhom u llum wieħed minnhom jinsab lest biex ixejjer il-bandiera ta’ Malta u jirrappreżentana fil-Eurovision – mument ta’ kburija mhux biss għall-grupp, imma għall-pajjiż kollu.” Hawnhekk qed jirreferu għall-artist Aidan li se jkun qed jirrapreżenta lil Malta ġewwa Vienna.
F’din il-mixja, Avenue Sky qatt ma kienu waħidhom. Il-grupp irringrazzja b’mod speċjali lil Glen Vella, li sa mill-ewwel ġranet kien bastun sod ta’ sapport u inkoraġġiment. U kif qal il-mużiċist u l-gwida tagħhom Freddie Portelli, “il-kbir għadu ġej” – kelma li tidher li taqbel perfettament ma’ fejn jinsab il-grupp illum.
Għaxar snin wara, Avenue Sky iħarsu ’l quddiem b’entużjażmu u tama, lesti biex jaraw fejn se jwassluhom l-għaxar snin li ġejjin. Minn qalbhom, huma rringrazzjaw lil kull min kien parti minn din l-istorja: lill-partitarji, lill-kollaboraturi u lil dawk kollha li emmnu fihom sa mill-bidu tal-vjaġġ sabiħ tagħhom.
Facebook/ Avenue Sky