“Għażilt Li Noqgħod Mal-Kelb Flok Immur Għat-Tieġ Ta’ Binti” – Storja Li Qajmet Diskussjoni Kbira Online

Storja emozzjonanti li qajmet ħafna diskussjoni fuq il-midja soċjali ġiet ippubblikata fuq il-paġna Ftit Minn Kollox. Raġel ta’ 63 sena jismu Twanny irrakkonta kif is-sena li għaddiet għamel għażla diffiċli, li ma jattendix għat-tieġ ta’ bintu sabiex jibqa’ maġenb il-kelb tiegħu li kien qed imut.

Twanny spjega li bintu Aimee żżewġet fl-14 ta’ Ġunju quddiem madwar 300 mistieden. Madankollu, il-kelb tiegħu Bruno, golden retriever ta’ 15-il sena, kien marid serjament u l-veterinarju kien wissieh li seta’ fadallu ftit żmien biss.



Bruno kien ilu miegħu minn meta kien ġeru u, skont Twanny, kien għenu jgħaddi minn wieħed mill-aktar żminijiet diffiċli f’ħajtu wara s-separazzjoni minn mal-mara tiegħu. Hekk kif resaq it-tieġ, saħħet Bruno kompliet tmur għall-agħar u Twanny ma setax iġib ruħu biex iħallih waħdu jew ma’ xi ħadd barrani.



Fl-aħħar mill-aħħar għażel li jibqa’ d-dar maġenb Bruno. Il-kelb miet jumejn wara, waqt li Twanny kien ħdejh. Din id-deċiżjoni kkawżat tensjoni mal-familja tiegħu, u bintu inizjalment qaltlu li weġġagħha ħafna għax għażel lill-kelb flok it-tieġ tagħha. Madankollu, xhur wara hija reġgħet ċemplitlu u qaltlu li wara li ħasbet sew dwar dak li ġara, fehmet aħjar għaliex missierha ħa dik id-deċiżjoni.

Illum Twanny jgħid li għalkemm kienet għażla diffiċli, ma jiddispjaċihx. “Bruno tani 15-il sena ta’ mħabba bla kundizzjoni. Kien jistħoqqlu li nkun hemm miegħu fl-aħħar jiem tiegħu,” qal. L-istorja qajmet ħafna reazzjonijiet online, b’uħud jifhmu d-deċiżjoni tiegħu filwaqt li oħrajn jgħidu li xorta kellu jkun preżenti għat-tieġ ta’ bintu.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI