Il-Kambodja ġieli smajtu biha u l-bżonn li għandu dal pajjiż hu kbir. Il-Kambodja tinsab bejn it-Tajlandja, Laos u l-Vjetnam, u għandha bosta industriji bħat-turiżmu, produzzjoni tal-ħwejjeġ u tat-tessuti, l-agrikoltura bħall-biedja tar-ross u s-sajd.
Mill-1975 sal-1979, il-pajjiż għadda minn tbatija kbira minħabba l-gwerra ċivili. Tul is-snin 70 u 80, fil-Kambodja tpoġġew miljuni ta’ bombi moħbija taħt l-art (landmines) li kif tirfishom jisplodu. Minkejja l-isforzi għal aktar minn 20 sena biex jitneħħew il-mini tal-art, huwa stmat li għad hemm ’il fuq minn 3 miljun mina tal-art u armi oħra midfuna madwar il-pajjiż, b’madwar 100 inċident u diżgrazzja jseħħu kull sena.
Il-Knisja fil-Kambodja għandha rwol importantissimu x’taqdi. L-Isqof Kike u t-tim tiegħu fetħu ċentru għal tfal b’diżabilità kkawżati minn dawn il-mini tal-art jew mard bħall-poljo u l-kanċer. Sa għaxar snin ilu, il-ħajja tal-ġuvnott Chen kienet differenti ħafna hekk kif kien jieħu gost imur l-iskola, jgħin lill-familja tiegħu fir-razzett u jilgħab il-futbol ma’ sħabu.

Imma ftit ilu kollox inbidel, meta Chen rifes fuq mina tal-art li ħaditlu saqajh it-tnejn. Fil-bidu kienet diffiċli wisq għal Chen sabiex jaċċetta li ma setax jimxi iktar b’mod normali bħal qabel. Il-limitazzjoni kienet kemm fiżika kif ukoll mentali, hekk kif il-ġuvnott beda jħossu ta’ piż fuq il-familja tiegħu li diġà kienu qed jitħabtu finanzjarjament. Imma meta t-tama dehret mitlufa, Chen instab mill-Isqof Kike Figaredo u t-tim taċ-ċentru Arrupe.
Illum il-ġurnata, Chen mhux biss ma jħossux ta’ piż, imma jgawdi suċċess akkademiku u professjonali. Fil-fatt, illum il-ġurnata Chen qed jistudja l-ipprogrammar tal-IT fl-università filwaqt li jaħdem fiċ-ċentru tat-tessuti, La Paloma.
Apparti minn hekk, huwa meqjus ta’ eżempju kbir għal żgħażagħ residenti oħra fiċ-ċentru, għax bl-istess mod li sab is-sapport u l-imħabba hu, issa qiegħed jagħti s-sapport huwa stess lil residenti oħra sħabu. Meta mistoqsi dwaru nnifsu, Chen qal hekk: “Għandi ċans inkompli l-istudji tiegħi u naħdem ukoll. Qisni għandi ħajja ġdida!”

Chen qed jingħata ċans ieħor grazzi għaċ-ċentru Arrupe u għal Missio Malta li jgħin lil dan iċ-ċentru bis-saħħa tad-donazzjonijiet u l-qlub ġeneruża tal-Maltin u l-Għawdxin. Inti wkoll tista’ tgħin lill-Isqof Kike jagħti kuraġġ lin-nies b’diżabilità fiċ-ċentru Arrupe fil-Kambodja. Mingħajr l-appoġġ tiegħek iċ-ċentru ma jistax ikompli l-missjoni sabiex jieħu ħsieb lil dawn in-nies fil-Kambodja.
Inti tista’ tgħin lill-Isqof Kike u liċ-ċentru Arrupe kif ukoll missjonijiet oħra, billi matul dan ix-xahar missjunarju tagħti d-donazzjoni tiegħek.Papa Franġisku jgħid li l-istess bħall-Appostli u l-ewwel Insara, aħna wkoll nistgħu ngħidu b’konvinzjoni sħiħa: “Għax aħna ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak li rajna u smajna.” (Atti 4:20)
Kull ħaġa li rċivejna u nirċievu mingħand il-Mulej għandha tkun imħaddma tajjeb, u għandha tiġi maqsuma ma’ ħaddieħor. Hekk kif l-Appostli raw, semgħu u messew lil Ġesù, hekk aħna wkoll nistgħu mmissu t-tbatija u l-glorja ta’ Ġesù. Bħala Nsara, ma nistgħux inżommu lil Alla għalina nfusna, imma jeħtieġ li nevanġelizzaw.

Il-ġurnata missjunarja ser tiġi ċċelebrata nhar il-Ħadd 24 ta’ Ottubru 2021. Ottubru huwa x-xahar missjunarju madwar id-dinja kollha fejn il-Knisja tfakkar ix-xogħol imprezzabbli fil-missjoni, u titlob u tqajjem kuxjenza dwar pajjiżi foqra u l-bżonnijiet tagħhom.
Apparti minn hekk, kull donazzjoni li tinġabar fil-ġurnata missjunarja tmur għall-bżonnijiet tal-knejjes, skejjel, sptarijiet kif ukoll vokazzjonijiet fejn il-Knisja għadha ġdida, żgħira jew fqira. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn fuq il-paġna ta’ Facebook – Missio Malta jew fuq 2123 6962. Grazzi mill-qalb.