Ħafna artisti tul l-imxija tal-Covid-19 spiċċaw bla xogħol u kien żmien diffiċli għal kulħadd. Iżda tajjeb ngħidu wkoll li dan iż-żmien serva sabiex in-nies jingħaqdu flimkien u jfakkru l-importanza tal-familja, l-ħbiberija u t-tama.
Organizazzjoni fir-Russja stiednet lil Claire McCartin u Rebecca Mifsud sabiex jirrappreżentaw lil Malta billi jkantaw vers bil-Malti f’rendizzjoni ta’ din il-kanzunetta. Il-messaġġ pożittiv ta’ din is-silta saħansitra ispirahom biex jiktbu l-kanzunetta sħiħa bil-Malti u stiednu tlettax-il kantant lokali u disat itfal biex ikunu parti minn dan il-proġett.
Kull artist kellu jiffilmja lilu nnifsu jkanta l-partijiet tiegħu u ħafna minnhom fil-fatt għażlu li jagħmlu dan fid-dar tagħhom stess. Kien biss grazzi għad-dedikazzjoni u mpenn tal-artisti kollha flimkien mat-tim tal-produzzjoni minn TwelveGold u Somnio Studios li dan il-proġett seta’ jitwettaq.
Dan il-proġett jista’ faċilment irodd lura lill-komunità u għaldaqstant issieħeb mal-Fondazzjoni Richmond sabiex ikun hawn aktar għarfien dwar ix-xogħol siewi li din il-fondazzjoni tagħmel fil-qasam tas-saħħa mentali.
Huwa mportanti ħafna li nitkellmu dwar dan is-suġġett b’modpartikolari f’dan iż-żmien delikat fejn ilkoll kemm aħna ġejna b’xi mod milquta mill-imxija tal-Covid-19. Huwa importanti wkoll li ngħinu lill-Fondazzjoni Richmond permezz tad-donazzjonijiet tagħna sabiex din tkun tista’ tkompli toffri s-servizzi tagħha lin-nies li għandhom bżonn l-għajnuna.
Wieħed jista’ jgħin billi jibgħat SMS fuq 50618093 għal donazzjoni ta’ €4.66 jew fuq 50619235 għal donazzjoni ta’ €11.65. Wieħed jista’ wkoll iżur is-sit ta’ Richmond Foundation billi jidħol HAWN.