Grupp Mużikali Li Beda Mill-Malta Jazz Festival Qed Jagħmel Suċċessi Kbar Barra Minn Xtutna

Il-Malta Jazz Festival tul is-snin bena fama internazzjonali qawwija, anke grazzi għall-lineups spettakolari li spiss jinkludu ismijiet ta’ leġġendi kbar, uħud minnhom li lanqas għadhom magħna llum.

Iżda l-festival joffri showcase ferm b’saħħtu anke għall-artisti lokali, billi joħloq opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni anke lil hinn minn xtutna.





Ritratt: Blue Tangerine. Miġbud minn: Andre Micallef.

Waħda mill-gruppi lokali li għandha storja marbuta mal-Malta Jazz Festival hi Blue Tangerine, grupp li jikkonsisti minn disa’ mużiċisti li ingħaqdu flimkien propju għall-Malta Jazz Festival. Angela Vella Zarb, mużiċista fil-grupp li tiżvela r-rabta ta’ dan il-grupp mal-festival.

“Wara xi ftit rehearsals konna lesti għall-kunċert il-kbir. Morna tajjeb ferm, u s-sena ta’ wara l-Maltin ġew mistiedna Pariġi sabiex idoqqu l-istess show fis-Sunset Club. Ħassejna li l-kollaborazzjoni bejnietna ħadmet tajjeb ferm, u għalhekk iddeċidejna li nkomplu il-proġett b’mod indipendenti.” tgħid Angela. 

Angela tispjegali li wieħed mill-aspetti l-aktar interessanti ta’ Blue Tangerine huwa li l-mużiċisti kollha jiġu minn pajjiżi differenti. Franza, Malta u anke l-Artijiet t’isfel – fil-fatt Dean Montanaro, li jdoqq il-baxx, jgħix hemmhekk.



Ritratt: Blue Tangerine.

“Konna qed niltaqgħu għall-ewwel darba, ndoqqu flimkien għall-ewwel darba u nieħdu sehem fil-Jazz Festival għall-ewwel darba. Timmaġinaw x’enerġija, entużjażmu u eċċitament. Kienet ġimgħa li ma ninsiha qatt. U mbagħad, għalija l-festival għandu sinjifikat partikolari għax illi nattendi l-kunċerti ma’ missieri sa minn meta kont għadni żgħira.”

M’għandnix xi ngħidu, minn dik is-sena l-grupp inbidel u evolva mhux ħażin. Fil-bidu, il-maġġoranza tad-drabi kienu jindaqqu covers ta’ biċċiet magħrufa, iżda aktar ma jgħaddi żmien aktar il-grupp qed iżid il-kompożizzjonijiet oriġinali.

Ritratt: Blue Tangerine. Miġbud minn: Darrin Zammit Lupi

Dwar ix-xena tal-jazz f’Malta, Angela temmen li l-pass li għamel il-festival, li jinkludi kunċerti minn mużiċisti żgħażagħ Maltin, kien wieħed għaqli ħafna u sewa bosta sabiex ikompli jgħin jibni xena vivaċi tal-jazz lokali.

“Kull ma jonqos issa li nintroduċu sillabus artistiku fl’iskejjel, sabiex il-mużika live in ġenerali tiġi aprezzata aktar,” temmet tgħid.

Blue Tangerine huma Vincent Jacqz fuq il-pjanu, Florent Hinschberger fuq it-trumbetta, Benoit Crauste u Philippe Lopes De Sa fuq is-sassofonu, Michel Berelowitch fuq it-trombone, Dean Montanaro fuq il-baxx, Joseph Camilleri fuq id-drums, Karl Galea fuq il-kitarra u Angela Vella Zarb fuq il-vocals.

Ritratt: Blue Tangerine.

Il-Malta Jazz Festival jiġi organizzat minn Festivals Malta bejn it-13 u t-18 ta’ Lulju. Għal programm sħiħ morru fuq il-paġna ta’ Facebook jew is-sit uffiċjali www.festivals.mt/mjf.

Dan huwa artiklu minn Festivals Malta b’riċerka u kontribuzzjoni ta’ Ramona Depares.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI