Permezz ta’ messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali, Gianluca Bezzina jħabbar li lbieraħ qatta’ l-aħħar mumenti ma’ Vinċenza Buttigieg – magħrufa bħala n-nanna Ċensina – qabel ma ħalliet din id-dinja għall-ħajja ta’ dejjem.
Fil-bidu tal-messaġġ huwa jikteb, “Ma ħallietlix sens ta’ dieqa, imma sens kbir ta’ gratitudni u ammirazzjoni għal mara li għexet ħajjitha ‘to the full’… mhux b’għaġla, imma b’kalma u ħlewwa kbira.”
Skont Gianluca, in-nanna Ċensina qatt ma ġriet wara lussu jew teżori materjali. Minflok, bniet dawk li hu jiddeskrivi bħala l-akbar u l-isbaħ teżori – l-imħabba vera u ġenwina lejn il-familja u lejn il-proxxmu. Valuri li permezz tal-eżempju tagħha, ħalliet impatt profond fuq dawk kollha li kellhom ix-xorti jsiru jafuha.
Huwa żied jgħid li permezz tal-ħafna memorji sbieħ li ħallitilhom, Vinċenza Buttigieg tibqa’ “eżempju ħaj” li jakkumpanjahom tul ħajjithom kollha, filwaqt li hi tgawdi dak li jsejjaħ “l-ikbar premju”.
Iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja ta’ Vinċenza Buttigieg se ssir nhar l-Erbgħa, fit-8:30 ta’ filgħodu, fil-parroċċa tat-Trinità, il-Marsa, fejn il-familjari u l-ħbieb se jinġabru biex isellmu l-memorja tagħha u jagħtu l-aħħar tislima.
Minn qalbna, aħna mit-tim ta’ Gwida.mt nagħtu l-kondoljanzi lill-familjari u l-qraba ta’ Vinċenza.
Facebook/ Gianluca Bezzina