Storja personali li tqanqal riflessjoni dwar il-ħajja bid-diżabbiltà qed tiġbed l-attenzjoni fuq il-paġna The People of Malta, fejn Kevin Attard fetaħ qalbu dwar l-esperjenzi tiegħu ta’ kuljum.
Fil-kitba tiegħu, Kevin jispjega kif ħafna drabi għad hemm min jara persuna b’diżabbiltà u jaħseb li mhijiex kapaċi tagħmel xejn. Madankollu, huwa jirrakkonta kif ilu kważi 31 sena jaħdem f’uffiċċju, wara li sab xogħol adattat għalih u li jippermettilu jgħix ħajja kemm jista’ jkun normali.
Waħda mill-akbar sfidi li jsemmi hija n-nuqqas ta’ għarfien u sensittività minn xi nies fil-pubbliku. “Issib min iħalli affarijiet jew żibel fin-nofs ta’ xi bankina li tostakola nies bħali fuq siġġu tar-roti li ma jkunux jistgħu jgħaddu,” jispjega Kevin, filwaqt li jenfasizza kemm dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu joħolqu diffikultajiet reali fil-ħajja ta’ kuljum.
Kevin jgħix ukoll bl-epilessija u kundizzjonijiet oħra, u jispjega kif jieħu ħsieb saħħtu billi jevita affarijiet li jistgħu jikkaġunawlu attakki, bħal sħana qawwija jew dwal iteptpu. Huwa jfakkar ukoll li madwar 1% tal-popolazzjoni Maltija tbati minn din il-kundizzjoni, iżda ħafna drabi din tibqa’ mhux mifhuma biżżejjed.
Jaqsam ukoll memorji diffiċli minn tfulitu, fejn kien iħoss il-piż tal-istigma. Għalkemm tfal oħra kienu jersqu lejh, kien iweġġa’ jara lill-ġenituri tagħhom jinġibdu lura. Esperjenzi bħal dawn ħallew impatt fuqu, iżda fl-istess ħin iffurmaw il-persuna li hu llum.
Illum, Kevin juża l-esperjenza tiegħu biex jgħin lil oħrajn. Huwa jagħti lezzjonijiet kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat dwar id-diżabbiltà, bil-għan li jqajjem aktar għarfien. Huwa jenfasizza li mhux id-diżabbiltajiet kollha jidhru, u li kundizzjonijiet bħall-epilessija spiss jibqgħu moħbija.
Huwa jħeġġeġ lil dawk li jbatu minn din il-kundizzjoni biex ma jistħux jitkellmu dwarha, peress li s-silenzju jista’ jwassal għal riskji serji. Fl-istess ħin, jirrikonoxxi li sar progress fil-livell ta’ għarfien, iżda jemmen li għad hemm ħafna xi jsir biex tintlaħaq soċjetà aktar inklussiva u sensittiva lejn kulħadd.
Facebook / The People of Malta