“Ħerqan Għar-Rispons Tan-Nies Għall-Mużika Ġdida Tiegħi. Fil-Ħajja Personali L-Pjan Hu Li Nibqa’ Ngħix Ġurnata B’Ġurnata” – Ryan Hili

Ryan Hili

 Hekk kif wasal l-1 ta’ Jannar, aħna ta’ Gwida.mt għal sena oħra xtaqna li nagħżlu xi personalitajiet li magħhom nitkellmu dwar is-sena li għadha kif spiċċat, il-bidu tas-sena l-ġdida, dak li għandhom pjanat, xewqat tagħhom u aktar.

Tkellimna fil-fatt mal-kantant lokali Ryan Hili. M’għandu bżonn ta’ ebda introduzzjoni, hekk kif rajnieh u narawh f’diversi avvenimenti mużikali lokali, festivals u aktar.

Ryan seraq il-qlub ta’ kulħadd erba’ snin ilu meta pparteċipa fir-raba’ edizzjoni ta’ X Factor Malta, u eventwalment rebaħha. Araw fuq xiex tkellimna ma’ Ryan fl-okkażjoni tas-sena l-ġdida!

Kultant issib min jgħidlek ‘U ija ħa tispiċċa sena u tibda oħra, ġurnata bħall-oħrajn!’ – Int kif tħares lejn il-bidu ta’ sena ġdida?

Il-bidu tas-sena għalija jfisser li tkompli tibni fuq dak li ħallejt fis-sena ta’ qabel. Fl-istess ħin ifisser pawża sabiex tirrifletti fuq dak li għamilt is-sena ta’ qabel, u dak li jkun ġej fis-sena l-ġdida tipprova tagħmel kemm jista’ jkun aħjar.



Ritratt: Facebook/ Ryan Hili

Kif tqatta’ l-ġranet tal-ewwel tas-sena normalment?



Normalment, ġranet bħal dawn nipprova nqattagħhom mal-familja u mal-ħbieb, għaliex tajjeb li tibda s-sena bl-aħjar mod possibbli, b’dawk in-nies madwarek li jridulek il-ġid u li jħobbuk.

Żewġ kelmiet li bihom tiddeskrivi l-2025.

Tagħlim – din is-sena tgħallimt ħafna kemm fix-xogħol professjonali tiegħi bħala għalliem, kif ukoll fl-industrija tal-mużika.

Esperjenza – għaliex esperjenzajt ħafna avvenimenti din is-sena li kienu bżonnjużi, u nemmen li nista’ nkompli naħdem fuqhom iktar u iktar fis-snin li ġejjin.

Tirrakkuntalna xi esperjenza partikolari li ġrat matul l-2025 u tibqa’ mnaqqxa fil-memorja?

Naħseb li esperjenza partikolari li ġrat fl-2025 kienet il-parteċipazzjoni tiegħi fil-ħames edizzjoni ta’ Mużika Mużika. Din is-sena dħalt b’kanzunetta oriġinali bil-Malti – kienet xi ħaġa li minn dejjem xtaqt nagħmel – kantajt mal-orkestra, ktibt il-kanzunetta ma’ waħda mill-akbar ħbieb tiegħi Sarah Bonnici. Kienet esperjenza sabiħa li ħa nibqa’ niftakar għal ħajti kollha.

Xi memorji li għandek ta’ xi New Year’s Eve mill-passat. Xi tgħidilna?

Kważi kull New Year’s Eve kien dejjem ħruġ mal-ħbieb tiegħi, fejn nipprovaw nagħmlu minn kollox biex nispiċċaw is-sena b l-aħjar mod possibbli. Dejjem inkun ħerqan biex nispiċċa s-sena mal-akbar ħbieb tiegħi, u dik l-iktar ħaġa li nkun ħerqan għaliha fi New Year’s Eve.



Ritratt: Facebook/ Ryan Hili

Xi pjanijiet għandu Ryan għall-2026?

Fejn tidħol il-mużika hemm ħafna pjanijiet li diġa qegħdin fil-proċess, għandna ħafna proġetti li ser ikunu qed joħorġu fil-pubbliku fl-2026. Ħerqan biex nara r-riżultat finali kif ħa jkun, u ħerqan għar-rispons tan-nies għall-mużika ġdida tiegħi. Fil-ħajja personali tiegħi ovvjament il-pjan hu li nibqa’ ngħix ġurnata b’ġurnata, inkun kuntent, iktar safar u iktar imħabba.

Messaġġ għas-segwaċi kollha tiegħek u qarrejja ta’ Gwida.mt, fl-okkażjoni tal-ewwel tas-sena.

Jien minn qalbi nixtieq nawgura s-sena t-tajba lil kulħadd. Sena b’ħafna iktar imħabba, iktar pożittivita u iktar kuntentizza. Ibqgħu rrispettaw lil ta’ madwarkom, u speċjalment ħobbu lilkom infuskom.

It-tim ta’ Gwida.mt japprezza immensament din l-intervista li Ryan ġentilment aċċetta li jagħmel! Nirringrazzjawh mill-qalb għall-ħin tiegħu u talli qasam magħna tant ħsibijiet. Awguri għall-2026 Ryan!

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI