“Ħudu Paċenzja U Tagħmlux Aktar Programmi Fuqna!” – Angela Coleiro Titkellem F’Isem Persuni LGBTIQ+

Wara d-diskussjoni li xxandret fuq il-programm lokali Popolin, li ffokat fuq il-Komunità LGBTIQ+, waslu diversi reazzjonijiet fuq il-midja soċjali. Waħda mill-aktar reazzjonijiet li spikkat kienet dik tal-attivista u membru tal-komunità, Angela Coleiro, li esprimiet b’mod ċar u dirett l-għeja u r-rabja tagħha għal kif dawn is-suġġetti qed jiġu ttrattati fil-media.

F’messaġġ mimli emozzjoni, Angela kitbet, “ĦUDU PAĊENZJA… u tagħmlux aktar programmi fuqna! Għax għajjejt nisma ħdura, injoranza, u kattiverjia.” Hi sostniet li ħafna minn dawn id-diskussjonijiet ma jsirux biex jinħolqu spazji ta’ fehim jew edukazzjoni, iżda biex jiġġeneraw sensazzjonalizmu u kontroversja fuq dahar nies reali. Skontha, il-komunità LGBTIQ+ qed tintuża bħala mezz ta’ “entertainment” aktar milli bħala suġġett li jixraqlu rispett u sensittività.

“Aħna m’aħnix fid-dinja għal l-‘entertainment’ tan-nies, biex joqgħodu jparlaw fil-vojt, u mingħalihom xi esperti!” tkompli tgħid Angela. F’dikjarazzjoni qawwija oħra, hi enfasizzat l-impatt uman li dawn id-diskorsi għandhom:

“Aħna umani. Għandna qalb u familja li tħobbna.” Angela ma ħbietx il-frustrazzjoni tagħha lejn dak li ssejjaħ “taparsi drittijiet ċivili”, fejn skont hi, il-kliem u d-diskussjonijiet ma jwasslu għal ebda ġid konkret għall-komunità. Hi sejħet ukoll lill-membri LGBTIQ+ biex jerġgħu jaħsbuha qabel ma jipparteċipaw f’dawn il-programmi.



“Il-parrir tiegħi lil ħuti LGBTIQ+ huwa li ma tattendux għal dawn is-suppost programmi, li huma aktar spettaklu li minnhom ma joħroġ l-ebda ġid.” Hi temmet il-messaġġ tagħha b’kundanna ċara tal-livell ta’ diskors li għadu jeżisti fil-pajjiż, “Għax l-injoranza li hawn f’dan il-pajjiż inkredibbli u tal-biża’.”



Ir-reazzjoni ta’ Angela Coleiro fetħet mill-ġdid dibattitu importanti dwar kif il-media Maltija tittratta suġġetti sensittivi, u jekk dawn id-diskussjonijiet humiex tassew qed iservu biex jinbena fehim aħjar, jew inkella qed japprofondixxu aktar il-firda u l-uġigħ. Għal ħafna, kliemha huwa sejħa ċara għal aktar responsabbiltà, rispett u empatija.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI