Id-Dawl Ta’ Paceville Jixgħel B’Messaġġ Ta’ Tama – Crisis Resolution Malta Tħeġġeġ Biex Nibdew Il-Konverżazzjoni Fil-Jum Dinji Tas-Saħħa Mentali

Kemm hu sabiħ li taf li wliedek, meta jkunu sejrin Paceville, isibu messaġġ li juri fejn jistgħu jirrikorru meta jkollhom bżonn l-għajnuna! F’post mimli ħajja, mużika u dawl, messaġġ bħal dan jagħti serħan il-moħħ u jfakkar li l-għajnuna teżisti u li qatt m’aħna waħedna.

Dan hu eżattament il-messaġġ li Crisis Resolution Malta qed twassal f’dan il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali – messaġġ ta’ tama u inkoraġġiment għal min qed ibagħti.

Wieħed mid-displays ewlenin tal-kampanja #StartTheConversation qed idawwal il-bieb ta’ Paceville, ħdejn il-Regional Road – simbolu qawwi li jfakkarna li kull min jgħaddi minn żmien diffiċli għandu fejn idur. Li titkellem qatt mhi sinjal ta’ dgħufija, imma ta’ kuraġġ u saħħa.

Crisis Resolution Malta qed tħeġġeġ biex nibdew il-konverżazzjoni – biex nitkellmu b’mod miftuħ dwar dak li nħossu, biex nisimgħu lil xulxin b’empatija, u fuq kollox biex nippruvaw nifhmu lil min ikun għaddej minn mumenti ta’ qtigħ il-qalb.

Din l-inizjattiva saret grazzi għall-kollaborazzjoni bejn Crisis Resolution Malta, is-sidien taż-żona, u t-Tourism Zones Regeneration Agency (TZRA) fi ħdan il-Ministeru tat-Turiżmu. Crisis Resolution Malta rringrazzjat lil Dr Philip Fenech u lis-Sur Dennis Vella, Kap Eżekuttiv tat-TZRA, għall-koperazzjoni tagħhom, kif ukoll lis-Sur Peter Diacono ta’ Project Landmark Ltd u s-Sur Keith Attard Portughes ta’ ICI Limited għall-kontribut prezzjuż tagħhom.

Crisis Resolution Malta tfakkar li l-ħidma tagħha ma tieqafx f’jum wieħed biss. Tul is-sena kollha, hija tkompli tqajjem kuxjenza dwar is-saħħa mentali, tħaddan messaġġ ta’ tama, empatija u prevenzjoni, u tħeġġeġ lil kull min jinsab f’sitwazzjoni diffiċli biex jagħmel l-ewwel pass u jitkellem.

Mhux biss illum, imma kuljum irridu niftakru li hemm min jisma. Li titkellem jista’ jkun differenza bejn tbatija fis-skiet u triq lejn fejqan. Ħadd m’għandu jħossu waħdu — dejjem hemm min lest li jisma’ u jipprova jifhem. Il-linja ta’ għajnuna 9933 99 66 tibqa’ miftuħa 24 siegħa kuljum, bla ħlas, għal kull min ikollu bżonn xi ħadd li jisimgħu jew jiggwidah lejn għajnuna professjonali.

F’dan ix-xahar ta’ Ottubru, hekk kif id-dawl ta’ Paceville jixgħel b’messaġġ ta’ tama, ejjew nibdew il-konverżazzjoni – għalina, għall-familji tagħna, u għal kull min għandu bżonn kelma ta’ kuraġġ u tama ġdida. Għal aktar tagħrif jew għajnuna, żur il-paġna uffiċjali ta’ Crisis Resolution Malta fuq Facebook: facebook.com/CrisisResolutionMalta

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI