Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura ħareġ appell lis-sajjieda li sofrew ħsarat fuq il-bastimenti tas-sajd tagħhom, sabiex jikkuntattjaw lid-Dipartiment mill-aktar fis possibbli.
Is-sajjieda huma mitluba jipprovdu evidenza ċara tal-ħsarat, inklużi ritratti u filmati, u huma mħeġġa wkoll iżommu l-invoices u l-iriċevuti tal-manutenzjoni, peress li dawn se jkunu meħtieġa fi stadju aktar ’il quddiem.
Id-Dipartiment qal li iktar informazzjoni u gwida se tingħata fil-ġranet li ġejjin, hekk kif ikomplu jiġu evalwati s-sitwazzjonijiet u l-ħsarat irrappurtati.
Is-sajjieda affettwati huma mħeġġa jsegwu l-istruzzjonijiet mogħtija u jżommu kuntatt mad-Dipartiment sabiex jiġi żgurat li l-proċess isir b’mod organizzat u effettiv.