Ma’ Puttinu Cares tkellmet omm li wara li tilfet tnejn minn uliedha b’mod traġiku, bħalissa t-tielet bint tagħha qiegħda wkoll tiġġieled il-kanċer.
Din l-omm tirrakkonta kif tilfet lill-ewwel iben tagħha meta kellu biss sena u tlett xhur, proprju ftit jiem wara li tgħallem jimxi. Tispjega kif binha tilef ħajtu wara li aċċidentalment għereq fil-pixxina li kellhom id-dar.
Tistqarr li għamlet sentejn u nofs minn ħajjitha tibki u tolfoq hekk kif tfisser li mhux faċli li “filli għandek tarbija l-ġmiel tagħha u filli m’għandek xejn”.
Tirrakkonta kif malli għadda ż-żmien kellha wkoll it-tieni wild tagħha. L-omm tfisser kif din it-tarbija imlitilha ħajjitha bil-ferħ.
“Nessieni d-dwejjaq li kelli qabel,” tistqarr l-omm fejn fuq nota ta’ niket tkun pronta tfisser kif sfortunatament ma kelliex wisq żmien sabiex tgawdih wara li t-tieni iben tagħha tilef ħajtu fi traġedja f’Paceville.
Imbikkma l-omm tistqarr li tqatta’ jiem sħaħ taħseb f’binha u titlob sabiex bil-lejl ukoll toħlom b’binha sabiex tkun tista’ terġa’ tarah.
“Wara dik it-tbatija kollha, din mhux żejda?” tistaqsi lilha nfisha l-omm hekk kif issa t-tielet bint tagħha qed tiġġieled ukoll il-kanċer.
B’xorti tajba Leonie, it-tielet bint, sabet lil Puttinu Cares li matul dawn l-aħħar snin kienu hemm għaliha hekk kif kellha titla’ Londra għall-kura għal madwar 40 darba.
Leonie flimkien ma’ ommha se jkunu preżenti fil-maratona ġbir ta’ fondi li l-għaqda filantropika Puttinu Cares se tkun qiegħda torganizza fil-Ġimgħa l-Kbira, proprju fit-3 t’April.
Kuraġġ lil Leonie u lil ommha!
Facebook / Puttinu Cares