Iffirmat Ftehim B’Aċċenn Fuq L-Indipendenza Finanzjarja Biex Tissaħħaħ Il-Prevenzjoni Tal-Vjolenza Domestika

Issokta l-programm ta’ attivitajiet bħala parti mis-sittax-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika b’iffirmar ta’ ftehim għal tliet snin bejn il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u l-Bank of Valletta.

Bis-saħħa tal-ftehim it-tliet entitajiet ser jaħdmu flimkien biex iwasslu fil-komunità l-edukazzjoni finanzjarja b’aċċenn fuq l-iskansar ta’ sitwazzjonijiet li jwasslu għal kontroll u dipendenza finanzjarja li hija waħda mill-forom ta’ vjolenza domestika.

Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Samantha Pace Gasan; mid-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali Emil Vassallo u minn Simon Azzopardi f’isem il-Bank of Valletta. Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg qalet li din il-kampanja ta’ edukazzjoni finanzjarja għaliex din għandha tgħin biex tibda tonqos id-dipendenza ekonomika li spiss tkun il-kaġun ta’ vjolenza psikoloġika u forma ta’ kontroll f’relazzjonijiet abbużivi.



Hija qalet li b’dan il-ftehim qiegħdha tkompli titwettaq parti oħra mill-istrateġija kontra l-vjolenza domestika u rringrazzjat lil Bank of Valletta għall-appoġġ tiegħu f’din il-kampanja. Is-Segretarja Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, irrimarkat kif il-Kunsilli Lokali huma l-eqreb awtorità lejn iċ-ċittadin u li permezz ta’ dan il-ftehim bejn il-Kummissjoni kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika u l-Bank of Valletta, numru ta’ Kunsilli Lokali se jkunu qed jospitaw taħriġ minn professjonisti fuq il-litteriżmu u l-indipendenza finanzjarja.



Is-Segretarja Parlamentari Zerafa Civelli sostniet li, “Dan l-impenn isaħħaħ lill-komunitajiet tagħna u jikkonferma li l-prevenzjoni tibda mill-livell lokali.” Iċ-Chief Personal and Wealth Officer tal-Bank of Valletta Simon Azzopardi qal li l-Bank ser jappoġġja bir-riżorsi tiegħu sessjonijiet edukattivi b’xejn għall-pubbliku biex isaħħaħ l-għarfien finanzjarju għaliex jemmen li din hija forma ta’ protezzjoni u prevenzjoni mid-dipendenza finanzjarja.

Huwa qal li dan it-taħriġ li ser isir fix-xhur li ġejjin bil-koperazzjoni tal-kunsilli lokali għandu l-għan li jagħti kunfidenza u l-indipendenza lill-individwi biex iwaqqfu ċ-ċirku ta’ kontroll finanzjarju jekk ikunu suġġetti għalih.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI