Il-Programm tas-Sajf ta’ ŻiguŻajg reġa’ lura magħna u din id-darba se jkun aħjar minn qatt qabel, b’żewġ inizjattivi eċċitanti mimlijin arti, teatru u ħafna kreattività! Bl-Art Jam Summer Bootcamp u l-Young Cavaliers Theatre Programme, tfal minn seba’ snin ’il fuq jistgħu jimirħu f’attivitajiet varji: il-pittura, il-kurazzjoni u l-esplorazzjoni immaġinattiva kif ukoll il-ħolqien ta’ kostumi, ir-rakkont tal-stejjer u d-disinn ta’ settijiet.
Il-Young Cavaliers Summer Theatre Programme jsaħħaħ il-vjaġġ kreattiv tat-tfal tiegħek billi jħallihom jimirħu fid-dinja maġika tat-teatru, kemm fuq il-palk kif ukoll wara l-kwinti. Fuq medda ta’ sitt ġimgħat, il-parteċipanti se jkunu qed jidħlu fid-dinja tar-reċtar, tar-rakkont tal-istejjer, tad-disinn tas-sett u l-kostumi, u aktar, u b’hekk irawmu mħabba għat-teatru b’esperjenzi eċċitanti li jħeġġuhom jieħdu sehem attiv. Barra li jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet artistiċi tagħhom, it-tfal se jkunu qed jibnu ukoll il-ħiliet tagħhom li jaħdmu f’tim, il-kunfidenza fihom infushom u r-reżiljenza f’ambjent sigur li jagħtihom kuraġġ, imdawrin b’mentors tal-esperjenza u tfal oħra b’interessi simili.
Kull ġimgħa tiffoka fuq aspett differenti tat-teatru, mill-prestazzjoni fuq il-palk għad-disinn, u tiżgura esperjenza maġika u pjaċevoli. Il-programm jasal għall-qofol tiegħu b’rappreżentazzjoni finali fit-teatru tond ikoniku ta’ Spazju Kreattiv, fejn il-parteċipanti żgħar se juru dak li jkunu ħadmu fuqu, bil-viżjonijiet kreattivi tagħhom li wassluhom biex minn idea fuq il-karta ħolqu spettaklu fuq il-palk.

Ritratt: Elisa von Brockdorff
Din l-inizjattiva qed titmexxa minn Lara Agius – attriċi stabbilita, narratriċi tal-istejjer u għalliema, li bl-esperjenza tagħha toħloq ambjent liberu u dinamiku fejn it-tfal jitgħallmu permezz tal-prattika, isaħħu l-kunfidenza fihom infushom, u jesprimu l-kreattività tagħhom.
Jekk it-tfal tiegħek huma aktar interessati fiid-dinja tal-arti visiva, l-Art Jam Summer Bootcamp huwa l-aħjar għażla. Dawn l-attivitajiet prattiċi, immexxija minn Ryan Galea, iħeġġu lit-tfal jesploraw il-vuċi artistika personali tagħhom, jiżviluppaw tekniki ġodda, u jispiraw ruħhom minn artisti kemm lokali kif ukoll internazzjonali.
Permezz ta’ sitt workshops interattivi, il-parteċipanti se jesperimentaw b’varjetà ta’ mezzi, joħolqu xogħlijiet uniċi, u jħejju x-xogħol tagħhom għal wirja finali miftuħa għall-pubbliku. B’hekk se jkunu qed jesperjenzaw l-eċċitament li jippreżentaw il-kreazzjonijiet tagħhom lil udjenza u jibnu l-kunfidenza artistika tagħhom. Fl-aħħar, il-kreazzjonijiet artistiċi tagħhom se jiġu esebiti f’wirja ġewwa waħda mill-galleriji ta’ Spazju Kreattiv fil-Kavallier ta’ San Ġakbu.

Ritratt: Elisa von Brockdorff
Dawn iż-żewġ programmi jistgħu jittieħdu kemm separatament kif ukoll flimkien f’pakkett wieħed. Għal aktar konvenjenza, il-ġenituri jistgħu wkoll jitolbu sigħat żejda: siegħa żejda filgħodu (8:00–9:00 AM) jew wara nofsinhar (12:00–1:00 PM) biex jakkomodaw aħjar il-ħinijiet tax-xogħol tagħhom.
Dan is-sajf ma’ ŻiguŻajg se joffri avventura unika ta’ ferħ, espressività u kreattività. Kemm jekk it-tfal tiegħek joħolmu li jitilgħu fuq palk jew li juru x-xogħol tal-arti tagħhom f’wirja, huma ser igawdu minn esperjenza indimentikabbli mimlija daħk, skoperti u tkabbir personali. Ħallihom jesploraw il-passjonijiet tagħhom, jagħmlu ħbieb ġodda, u joħolqu tifkiriet sbieħ tas-sajf f’ambjent li jiċċelebra l-individwalità u l-immaġinazzjoni tagħhom.
Għal aktar informazzjoni, żur www.ziguzajg.org

Ritratt: Elisa von Brockdorff
- Young Cavaliers Theatre Programme – Esperjenza immersiva ta’ teatru ta’ 6 ġimgħat għal tfal ta’ bejn is-7 u t-12-il sena, li tinkludi r-reċtar, ir-rakkont tal-istejjer, id-disinn tas-sett u aktar, u tilħaq il-qofol tagħha b’rappreżentazzjoni finali għall-pubbliku! – Dati: L-Erbgħa 9 ta’ Lulju sas-Sibt* 30 t’Awwissu 2025 (*ir-rappreżentazzjoni finali)
- ŻiguŻajg Art Jam Summer Bootcamp – Programm prattiku ta’ arti kontemporanja fejn artisti żgħar jesperimentaw b’diversi tekniki artistiċi, jispiraw ruħhom minn artisti storiċi u kontemporanji, u jikkuraw il-wirja finali tagħhom stess! – Dati: Is-Sibt 5 ta’ Lulju, is-Sibt 12 ta’ Lulju, is-Sibt 19 ta’ Lulju, is-Sibt 26 ta’ Lulju, is-Sibt 2 ta’ Awwissu, u s-Sibt 9 ta’ Awwissu 2025.
Elisa von Brockdorff