Għadd ta’ voluntiera, fosthom birdwatchers, membri tal-pubbliku u rappreżentanti lokali, ingħaqdu biex jimmonitorjaw il-popolazzjoni ta’ dan l-għasfur urban li jqatta’ x-xhur kesħin f’pajjiżna.
L-akbar u l-aktar post stabbilit jibqa’ dak fil-Belt Valletta, li ilu jiġi mmonitorjat kull sena sa mill-1985. Din is-sena, ġew irreġistrati 13,686 zakak abjad li daħlu jorqdu fis-siġar maturi tal-ficus qrib il-Konkatidral ta’ San Ġwann u quddiem il-Qorti. Inltemħu f’lokalitajiet differenti, fosthom fil-Mosta b’923 għasfur u f’Buġibba b’1,712 zakak abjad. B’kollox, it-total nazzjonali laħaq is-16,326.

L-għadd sar permezz ta’ metodoloġija stabbilita minn punti strateġiċi, bil-koordinazzjoni tal-koordinatriċi tal-konservazzjoni ta’ BirdLife Malta, Alice Tribe. Hija spjegat li din l-inizjattiva hija fost l-itwal eżempji ta’ citizen science f’Malta, u saħqet fuq l-importanza tal-kontribut kontinwu tal-voluntiera biex jiġu segwiti x-xejriet fit-tul u jitħarsu l-abitati urbani essenzjali għal dawn l-għasafar.
Matul l-attività, membri tal-pubbliku nġabru fi Ġnien Hastings biex josservaw il-wasla ta’ mijiet ta’ zakak abjad mal-għabex. Preżenti kien ukoll is-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay, li ddeskriva l-għadd bħala eżempju ċar ta’ kif in-natura tista’ timraħ f’ambjent urban, filwaqt li enfasizza l-bżonn li jiġu mħarsa s-siġar u l-ispazji ħodor. L-inizjattiva kienet appoġġjata wkoll minn rappreżentant tal-APS Bank, li qed jikkollabora ma’ BirdLife Malta biex jiżdied l-għarfien dwar l-għasafar urbani.
Iz-zakak abjad jgħaddi kull ħarifa mill-Ewropa biex iqatta’ x-xitwa fil-klima aktar sħuna ta’ Malta, u jinġabar f’roosts komuni. BirdLife Malta tkompli tappella biex jiġu protetti s-siġar maturi tal-ficus u biex ma jsirx żbir bejn Ottubru u Marzu, mhux biss fil-Belt Valletta iżda wkoll f’lokalitajiet oħra f’Malta u Għawdex, sabiex dan il-fenomenu naturali jibqa’ jiġi salvagwardjat għas-snin li ġejjin.